Il-Gvern beda jaħdem f’din il-legislatura biex iwettaq riforma holistika fis-settur tal-ġustizzja li fost oħrajn waslet biex il-każi pendenti fil-qrati ċivili niżlu għall-inqas livell minn mindu bdiet tinzamm l-istatistika sbatax-il sena ilu. Din l-informazzjoni ħarġet waqt diskors Parlamentari li sar mill-Ministru Owen Bonnici.
Mis-sena 2000, minn meta bdiet tinżamm din l-istatistika, t-total ta’ każi pendenti sena b’sena niżel minn 18,831 għal 9815 fis-sena 2016. Dan n-numru kompla jonqos anke fl-ewwel xahar ta’ din is-sena tant li l-każi pendenti sal-aħħar ta’ Jannar 2017 niżlu għal 9686.
Dan kien riżultat, fost oħrajn, ta’ emendi ta’ diversi liġijiet bil-għan li tigi ssimplifikata il-proċedura fil-qrati ċivili u ġew emendati l-kompetenzi tal-qrati. Dan iffiser li iktar kawzi jistgħu jinqatghu quddiem il-qrati tal-Magistrati (Qrati Civili Inferjuri) fejn il-proceduri huma aktar semplici u mghaggla u irhas. Fl-istess waqt il-Qorti tal-Appell Civili inghatat aktar poteri fosthom li tagħmel korrezzjonijiet minghajr il-bzonn li każ jintbaghat lura quddiem il-Qorti tal-ewwel Istanza u t-twaqqif tas-sistema tal-Court Attorneys.
Il-Proċedura għas-subbasta, il-process ta’ interdizzjonijiet u l-process ta’ inkapacitazzjoni saru aktar faċli. Dawn kollha u oħrajn isimplifikaw il-proċeduri tal-qorti biex b’hekk dawn mhux biss saru aktar spediti imma ukoll irħas.
Ta’ min jgħid li ma’ dawn saret ħidma biex idaħħlu sistemi ġodda li għamlu differenza fl-aspett ta’ effiċenza fil-qrati fosthom l-użu ta’ sms’s u emails u aċċessi onlajn ta’ atti, mandati, informazzjoni dwar każijiet tal-qorti, faċilita’ onlajn għal-aċċess ta’ atti ġudizjarji kollha preżentati f’ishem avukat jew prokuratur legali u reġistri onlajn għal-riċerki testamentarji u terminazzjoni ta’ prokuri.
Qed issir ħidma wkoll mil-lat infrastrutturali fejn mistenni jinfetħu tliet awli ġodda sabiex ikomplu jtejbu l-ħidma tal-Qrati permezz ta’ aktar spazju fiżiku fejn jinstemgħu l-kawżi.
Ir-riforma fil-qasam tal-Ġustizzja tkompli għaddeja u ħafna xogħol qiegħed jiġi mwettaq u huwa mistenni jidħol fis-seħħ fil-ġejjieni bil-għan li ċ-ċittadini jkollhom servizz dejjem aħjar, irħas u b’inqas dewmien.