F’Settembru, in-numru ta’ persuni fuq ir-reġistru tal-qgħad naqas għal 3,207. Dan kien l-inqas ammont ta’ nies jirreġistraw f’dan ix-xahar mill-1979 ’l hawn, iġifieri 37 sena ilu. Imqabbel ma’ sena ilu, il-qgħad naqas b’1,717 persuna, filwaqt li meta mqabbel ma’ Marzu 2013, in-numru ta’ nies jirreġistraw huwa ta’ 4,143 anqas. Dan ifisser li issa n-numru ta’ nies jirreġistraw huwa inqas min-nofs ta’ dak li kien fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura.
Dan kien innotat fi stqarrija maħruġa mill-Gvern ta’ Malta, fejn intqal li taħt din l-amministrazzjoni, kull jumejn seba’ persuni li kienu qiegħda sabu xogħol. B’kuntrast, bħala medja matul il-ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti, kull jumejn persuna aktar kienet tispiċċa tirreġistra. Fiż-żmien meta Simon Busuttil kien il-viċi kap tal-partit fil-gvern, in-numru ta’ nies jirreġistraw kien żdied b’aktar minn erba’ persuni kull jumejn.
It-tnaqqis qawwi fil-qgħad qed jinħass l-aktar fost iż-żgħażagħ. Fl-aħħar tnax-il xahar kien hemm tnaqqis ta’ 261 fin-numru ta’ żgħażagħ bla xogħol, jew tnaqqis ta’ 930 mill-bidla fl-amministrazzjoni. Miżuri bħall-garanzija għaż-żgħażagħ – dik li l-Kap tal-Oppożizzjoni jsejjaħ il-garanzija tal-washing machine– sa issa kienet soluzzjoni għan-nuqqas ta’ xogħol ta’ seba’ minn kull għaxar żgħażagħ qiegħda.
Mill-bidla fl-amministrazzjoni kien hemm tnaqqis ta’ 1,450 persuna f’dawk li jirreġistraw u li għandhom età ta’ 45 sena jew aktar, kategorija ta’ nies qiegħda meqjusa fost l-aktar eskluża mis-suq tax-xogħol. Dan ifisser tnaqqis ta’ kważi nofs meta mqabbel mal-bidu ta’ din l-amministrazzjoni.
Kategoriji oħrajn meqjusa f’riskju soċjali wkoll urew titjib. Fost dawk li ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena kien hemm tnaqqis ta’ 1,540 mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura. Dan kien frott miżuri biex dawk l-aktar esklużi mis-suq tax-xogħol jingħataw opportunitajiet ġodda biex itejbu l-livell ta’ għejxien tagħhom u jintegraw mill-ġdid.
Anke f’Għawdex, tul din l-amministrazzjoni, kien hemm tnaqqis qawwi fin-numru ta’ nies qiegħda, tant li dan issa waqa’ għall-inqas livell mindu bdiet tinġabar din l-istatistika fis-snin sebgħin.
F’Settembru, kien hemm 375 persuna b’diżabilità tfittex impjieg. Fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura, kien hemm 563, jew 50% aktar milli hemm illum. Dan ukoll huwa riżultat tal-miżuri ta’ inklużjoni u l-infurzar ta’ liġjiiet li wettaq il-Gvern favur dawk b’diżabilità.
Fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti, 7,350 persuna kienu bla xogħol, żieda ta’ kważi elf persuna f’ħames snin. S’issa, f’din il-leġiżlatura, l-amministrazzjoni preżenti għenet lil aktar minn 4,100 persuna qiegħda jsibu impjieg li jixirqilhom.
Il-fatt li pajjiżna s’issa ra n-numru ta’ dawk jirreġistraw jaqa’ b’aktar min-nofs, huwa l-aqwa ċertifikat li Malta għandha ekonomija fejn il-ġid qed jasal għand kulħadd, ittemm tgħid l-istqarrija.