Is-sena l-oħra, Malta rreġistrat l-iktar rata baxxa ta’ nies f’riskju tal-faqar mill-2016 ’l hawn.
Skont ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, is-sena l-oħra dawk li jinsabu fir-riskju tal-faqar naqsu b’0.2 fil-mija, meta mqabbel ma’ sena qabel.
Ħareġ ukoll li r-rata ta’ nies f’riskju tal-faqar jew esklużjoni soċjali naqset b’0.2 fil-mija meta mqabbel ma’ sena qabel; għal 20.1 fil-mija.
Dan filwaqt li r-rata fl-2013 kienet ta’ 24.6 fil-mija. Din tfisser differenza ta’ 4.5 fil-mija meta mqabbel ma’ għaxar snin ilu.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ġie nnutat li d-dħul li jinħadem fuqu dan il-kalkolu kien ta’ kważi għaxart elef u disa’ mitt ewro (€10,900), meta għaxar snin ilu dan kien jgħodd għal madwar €7,000. Dak iż-żmien kien hemm 65,000 persuna li jaqgħu taħt dan il-limitu waqt li llum fadal biss 18,000 persuna taħt dan il-limitu.
Fl-istess stqarrija ġie nnutat li l-progress fil-ġlieda kontra l-faqar jidher ukoll mill-fatt li eluf ta’ nies imxew mill-faxex l-aktar baxxi lejn faxex ogħla ta’ dħul.
Kien hemm titjib b’saħħtu fid-dħul gross ta’ kull familja kif ukoll fid-dħul disponibbli ras għal ras wara l-ħlas tat-taxxa, hekk kif is-sena l-oħra kien hemm żieda ta’ 6.8 fil-mija.
Fil-fatt, id-dħul medju disponibbli tal-familji żdied għal kważi €34,900 meta fl-2013 kien €23,500 – żieda ta’ kważi 50 fil-mija.
Fl-istqarrija ġie nnutat li kien hemm tnaqqis fl-għadd ta’ dawk li jaqilgħu inqas fil-faxxa ta’ bejn dawk li jaqilgħu inqas minn €7,260 u dawk li jaqilgħu inqas minn €10,900.
Ġie spjegat li kien hemm tnaqqis fir-rata tal-faqar fost familji bi dħul disponibbli u li jinkludi l-benefiċċji tal-anzjani u jeskludi l-għajnuna soċjali. Kien hemm tnaqqis ukoll fost familji li d-dħul tagħhom jeskludi l-għajnuna soċjali.
Kien hemm titjib ukoll fost dawk il-familji li għandhom tfal dipendenti u anki ż-żgħażagħ ta’ inqas minn 18-il sena kienu inqas f’riskju ta’ faqar is-sena l-oħra.
Din l-istatistika tal-NSO ġiet irreġistrata fiż-żmien meta pajjiżna kien qiegħed jirkupra minn pandemija globali u bdiet gwerra fl-Ukrajna – li ġabet magħha kriżi internazzjonali bla preċedent.
F’reazzjoni għal din l-istatistika, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, qal li jinsab sodisfatt li l-politika tal-Gvern qed tħalli r-riżultati, speċjalment meta tqis li xahrejn ilu kienet ħarġet statistika li turi tnaqqis konsiderevoli fid-deprivazzjoni materjali u severa.
Intant, fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela osserva li, minkejja l-pandemija, il-dħul medju tal-familji f’pajjiżna żdied b’aktar minn €2,200. Innota wkoll li l-għadd ta’ dawk fir-riskju tal-faqar huwa l-inqas li ġie rreġistrat mill-2016 ’l hawn.
Dr Abela saħaq li l-Gvern immexxi minnu se jkompli jdaħħal miżuri li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.