Għawdex għandu l-inqas ammont fl-istorja ta’ ċittadini Għawdxin li qed jirreġistraw għal-impjieg.
Dan ħareġ minn ċifri tal-JobsPlus li wrew kif sa tmiem Ottubru ta’ din is-sena kien hemm 64 persuna Għawdxija biss tirreġistra.
Ippubblikat dan il-gazzetta KullĦadd, li nnutat kif minkejja bosta sfidi internazzjonali, fosthom il-pandemija u dik attwali tal-enerġija, u li t-tnejn kellhom impatt negattiv fuq l-impjieg f’pajjiżi Ewropej, f’Malta n-numri xorta waħda baqgħu baxxi.
Iċ-ċifri tal-JobsPlus juru li bħala medja, fl-2021, kien hemm 145 Għawdxi jfittxu impjieg. B’riżultat tal-pandemija, l-ammont ta’ Għawdxin jirreġistraw fl-2020 kien laħaq medja ta’ 221, imma anke jekk dan kien akbar minn dak osservat fis-sentejn ta’ qabel, xorta kien ferm inqas minn dak irreġistrat taħt l-aħħar amministrazzjonijiet Nazzjonalisti.
Fil-fatt, fl-2013 l-ammont ta’ Għawdxin jirreġistraw kien ilaħħaq għal 743, jew aktar minn 11-il darba iżjed mil-lum. L-akbar ammont ta’ Għawdxin ifittxu x-xogħol kien osservat fl-2009, meta kien hemm medja ta’ 769 persuna tagħmel dan, riflessjoni tal-miżuri ta’ awsterità li kien ħa dak iż-żmien il-Gvern biex jipprova jnaqqas id-defiċit. L-istat ħażin tal-ekonomija Għawdxija wara dawk il-miżuri kien kompla għal diversi snin, tant li sal-2013 l-ammont ta’ Għawdxin bla xogħol kien dejjem baqa’ ta’ aktar minn 700.
Min-naħa l-oħra, Gvernijiet Laburisti bdew jimplimentaw politika ekonomika li tagħti iżjed importanza lil Għawdex, waqt li attiraw lejn il-gżira investimenti diretti barranin. B’riżultat t’hekk l-ammont ta’ Għawdxin bla xogħol beda jonqos b’mod konsistenti, grazzi għal żieda qawwija fl-impjiegi mal-privat. Dawn ilaħħqu għal kważi 70% tal-impjiegi kollha.
Fil-fatt, ċifri li ppubblikat il-gazzetta KullĦadd juru li sa Settembru kien hemm kważi 15,500 impjieg f’Għawdex, żieda ta’ 70% fuq 10 snin qabel, waqt li sa tmiem is-sena li għaddiet kien hemm mal-2,500 persuna taħdem għal rasha, 60% żieda fuq l-2012.
Miċ-ċifra ta’ dawk li jaħdmu għal rashom illum, kważi 680 huma nisa. Dan hu aktar minn darbtejn u nofs l-ammont ta’ nisa self-employed taħt l-aħħar Gvern Nazzjonalista, grazzi għal għadd ta’ inċentivi li ffaċilitaw it-triq lil min ried joħroġ jaħdem, partikolarment lin-nisa.
Anke meta ġie biex jintroduċi miżuri ta’ sostenn fil-pandemija fis-sentejn li għaddew, il-Gvern dejjem kien iżjed ġeneruż għall-familji u għall-azjendi Għawdxin, li wassal biex ir-rata ta’ rkupru ekonomiku fil-gżira kienet aktar dinamika u t-tnaqqis fil-qgħad kien aktar sostnut.
B’hekk, il-gazzetta qalet kif minn gżira fejn kien hemm problema ta’ qgħad għoli, issa l-isfida ekonomika saret li azjendi Għawdxin qegħdin isibuha diffiċli biex isibu biżżejjed ħaddiema.