Fl-okkażjoni taċ-ċentinarju tal-Innu Malti, il-President George Vella stqarr li l-Innu Malti huwa parti mill-memorja kollettiva tal-poplu u għadu jimmarkalna l-boxxla li fuqha jeħtieġ li nimxu biex nibqgħu ngħożżu l-valuri tagħna.
F’serata f’ġieħ il-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila bit-tema “L-Innu Malti – 100 sena magħna”, il-President Vella qal li l-Innu Malti jibqa’ innu li jgħaqqadna u li jgħożż l-għaqda, minkejja li għadda seklu minn fuq il-versi tiegħu, u xi kliem jinħass antik jew ma jdoqqx għal widnejna fl-epoka li qed ngħixu fiha.
Il-President Vella rrimarka li fil-qofol tiegħu, l-Innu Malti huwa talba li tfakkarna li aħna werrieta ta’ tradizzjoni reliġjuża għażiża ħafna u li hi intrinsikament fundamentali fl-istorja u fil-kultura kollha ta’ Malta u tal-Ewropa.
Il-President irrimarka li l-kliem tal-Innu Malti hu kollu kemm hu semitiku imma mħaddem u mfassal fuq forma letterarja Latina u Taljana. Fid-diskors tiegħu, il-President ikkwota lill-Professur Oliver Friggieri meta jgħid li “Dun Karm kiteb sitt versi li jirriflettu l-qofol tal-karattru ta’ Malta: Reliġjon Nisranija, Ilsien Semitiku, u Kultura Ewropea.” Żied li daqskemm hu talba għas-sliem fost il-poplu Malti, fl-Innu Malti nilmħu wkoll żewġ kulturi kbar magħġuna flimkien.
Għalhekk, il-President appella li huwa xieraq li fl-iskejjel u f’okkażjonijiet speċjali nibqgħu nisimgħu jidwi l-Innu Malti – simbolu tal-identità tagħna. Bħala ċittadini għandna ngħożżu din l-identità, is-sovranità u l-istorja ta’ pajjiżna kif espressi fil-lirika tal-innu nazzjonali, temm jgħid il-President Vella.
Is-serata kommemorattiva f’ġieħ il-Poeta Nazzjonali fiċ-ċentinarju tal-Innu Nazzjonali kienet organizzata minn Festivals Malta għall-Kumitat Festi Nazzjonali u l-Akkademja tal-Malti taħt il-patroċinju distint tal-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella.