“Bidla irriversibbli għal mobilità b’emissjonijiet baxxi hija t-triq ‘il quddiem għas-snin li ġejjin. Dan jista’ jwassal għal arja aktar nadifa għaċ-ċittadini u biex fl-ekonomiji jkun hemm investiment fl-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp għall-ekonomiji,” qalet il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista.
Miriam Dalli hija wkoll il-kelliema tal-grupp tas-soċjalisti dwar l-ambjent.
Il-Parlament Ewropew nhar il-Ħamis ivvota favur srateġija Ewropea għal mobilità b’emissjonijiet baxxi. L-istrateġija ambizzjuża għandha l-għan li tikseb mobilità b’emissjonijiet baxxi bbażata fuq tliet pilastri: biex ittejjeb l-effiċjenza tas-sistema tat-trasport, iżżid l-użu ta’ enerġija alternattiva u timxi lejn vetturi b’emissjoni żero.
Il-MPE Miriam Dalli laqgħet in-numru ta’ pajjiżi li qed dejjem jikber, u li qed iqisu t-tmiem tal-bejgħ ta’ karozzi ġodda li jaħdmu bil-petrol u d-diesel. L-Olanda u n-Norveġja qed jimmiraw li dan iseħħ sal-2025, l-Awstrija sal-2030 u Franza u r-Renju Unit sal-2040.
“Dan huwa ż-żmien għal aktar investimenti li jistgħu jappoġġaw tranżizzjoni xierqa għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u għal alternattivi ta’ emissjonijiet baxxi fit-trasport għas-snin li ġejjin,” ħeġġet Dalli.
L-MPE Laburista stqarret li ċ-ċittadini qed isiru aktar konxji tal-impatti li t-tniġġis tal-arja għandu fuq is-saħħa. Għalhekk, permezz tal-ftehim ta’ Pariġi, il-pajjiżi impenjaw ruħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.
Hija tenniet li l-bidla tant meħtieġa fl-imġiba tista’ tkun ta’ suċċcess jekk ikun hemm azzjoni proattiva.
“Ejja nkunu dawk li ninfluwenzaw il-bidla. Ejja nimbuttaw biex il-konsumaturi jkunu aktar infurmati. Azzjoni proattiva hija dik li għandna bżonn f’dan il-mument jekk irridu ngħinu biex tissaħħaħ id-domanda għal vetturi b’emissjonijiet żero madwar l-UE,” qalet Miriam Dalli.