Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu indirizza konferenza nazzjonali dwar żoni ġodda ta’ tkabbir ekonomiku.
Stqarr li l-ekonomija Maltija sejra tajjeb, iżda dan huwa fatt li wieħed ma jistax jieħdu ‘for granted’ u li huwa riżultat ta’ ħaddiema u stakeholders li kienu innovattivi u għamlu l-aħjar li jistgħu biex jiżguraw is-suċċess tal-pajjiż.
Dan is-suċċess, żied jgħid il-Prim Ministru, jeħtieġ ikun imħares, b’ideat ġodda fl-istruttura ekonomika tal-pajjiż u billi l-pajjiż ma jitħalliex jistaġna ekonomikament. Semma s-settur tal-gaming, li huwa tant importanti għal Malta, u staqsa x’jiġri jekk dan is-settur jibda jkun kajman.
Hawn staqsa, minkejja s-suċċessi ekonomiċi tal-pajjiż, aħniex pajjiż preparat għall-innovazzjoni. Stejjer riċenti ta’ suċċess f’setturi bħas-saħħa u l-edukazzjoni jindikaw lok għal tkabbir ekonomiku f’niċeċ ġodda. Il-Prim Minsitru qal li jemmen li Malta għandha vantaġġ strateġiku biex issir hub internazzjonali għal negozji start-up.
Xahrejn ilu fi Brussell, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar kif Malta tista ssir ‘bitcoin continent’ u pijuniera fl-ekonomija diġitali. Jeħtieġ li Malta tibqa tikkonċentra f’li ġġib it-talent lejha. Jeħtieġ tibqa tisma’ lill-istakeholders u toffrilhom soluzzjonijiet speċifiċi għalihom.
Il-konferenza kienet organizzata mill-Onorevoli Silvio Schembri, chairperson tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji. Qal li bit-tkabbir ekonomiku ta’ Malta, huwa żmien ideali li jkun diskuss il-ġejjieni tal-ekonomija. Qal li jekk imqar 1% tal-industrija tat-tekonoloġija finanzjarja tar-Renju Unit tiġi Malta, ikollna injezzjoni ta’ mitejn miljun ewro fl-ekonomija Maltija.
Schembri qal li għandna nimmiraw li jkolla l-aqwa ambjent għall-iżvilupp u l-kummerċjalizazzjoni ta’ mudelli fit-teknoloġija finanzjarja. Il-Gvern għandju jiżgura li Malta jkollha l-qafas regolatorju tajjeb, sistema tajba ta’ tassazzjoni, u l-aqwa infrastruttura biex tara li din il-viżjoni sseħħ.