L-għada li l-inkjesta dwar l-immigranti ġabet fix-xejn l-allegazzjonijiet ta’ qtil volontarju u attentat ta’ qtil ta’ immigranti u li sabet li d-denunzji ma kinux imsejsa fuq provi, l-avukat tas-suldati akkużati Herman Mula laqa’ l-eżitu ta’ din l-inkjesta u sostna kif turi li l-allegazzjonijiet tal-kelliem tal-oppożizzjoni għall ġustizzja Jason Azzopardi u l-għaqda repubblika kienu biss frivoli.
Dr Mula sostna li l-inkjesta turi kif mhux talli l-klijenti tiegħu m’għamlux ir-reat akkużati bih iżda ħadmu b’mod tajjeb ħafna.
“Mhux ġie mxejjen u kkuntrarjat talli ħareġ iswed fuq abjad li fl-inkjesta li l-forzi armati ħadmu b’mod eċċellenti. L-eżitu tagħha ma kellix dubju li ħa jagħti ċertifikat ta’ eċċellenza mhux biss lill-ekwipaġġ tal-P52 imma lill-forzi armati bħala istituzzjoni.”
Dr Mula semma li ma nstabet l-ebda prova li tipprova l-allegazzjonijiet li saru minn Repubblika u Azzopardi.
“Il-Maġistrat qal li mhux biss ma sabx evidenza diretta kontra l-allegazzjonijiet imma anke ċirkostanzjali li din tfisser li hija evidenza sekondarja. Lanqas dik l-evidenza ma nstabet kontra min qed jiġi allegat u dan jikkonferma mhux li m’għamlux dan ir-reat imma ħadmu b’mod eċċellenti.”
L-avukat Mula elenka punt mill-inkjesta li xejjen allegazzjoni li saret minn għaqda non governattiva u li l-għaqda Repubblika rikbet fuqha, dik li s-suldati qatgħu cable tal-magna tad-dgħajsa tal-immigranti.
Semma li din hi prassi komuni u l-inkjesta sabet kif dan għen u mhux ipperikola ħajjet l-immigranti.
“L-espert ta l-opinjoni tiegħu li huwa espert li għandu ċertu esperjenza fejn qal li l-miżura tal-forzi armati li jitolbu li l-immigranti jaqgħalu il-cable, id-dead man’s switch biex jintefa l-mutur ma kienx biss biex jgħinuhom imma biex ma jweġġgħux lill-immigranti stess u din ħarġet fl-inkjesta.”
Issa li għadda l-martirju li għaddew minnu dawn is-suldati, Dr Mula qal li l-eżitu tal-inkjesta huwa ta’ soljev kbir.
“Ma jfissirx li ma kinux taħt tensjoni, ma jfissirx li ma kinux huma u l-familjari tagħhom għaddew minn mumenti ta’ trawma għax wieħed irid iqis li jekk tkun allegazzjoni żgħira fuq uffiċjal ukoll joħodha bi kbira speċjalment meta jkollu pride f’xogħlu aħseb u ara allegazzjoni ta’ tentattiv ta’ omiċidju li mhix xi ħaġa żgħira xejn.”