L-inkjesta Maġisterjali li kkonkludiet li la l-Prim Ministru u lanqas l-Armata ma qatlu immigranti wriet ukoll ix-xogħol tajjeb li qed isir mill-Forzi Armati ta’ Malta.
L-inkjesta ma sabitx biss evidenza diretta imma anki dik sekondarja li f’termini legali hi magħrufa bħala ċirkostanzjali u allura dan jikkonferma li s-suldati, fosthom il-membri tal-ekwipaġġ tal-P52 ma wettqu l-ebda reat li ġew akkużati bih minn fost oħrajn il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi u l-eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, l-Avukat Pawlu Borg Olivier.
Fl-inkjesta ngħad b’mod ċar anki minn esperti maħtura mill-Qorti li t-talba mis-suldati biex jinqala’ cable u b’hekk tintefa’ l-magna tad-dgħajsa li kienu fuqha l-immigranti ma kienx sabutaġġ kif ġie allegat iżda proċedura normali ta’ salvataġġ li ssir bejn sema u ilma.
Il-Maġistrat inkwirenti Joe Mifsud fisser fl-inkjesta t’aktar minn erba’ mitt faċċata li l-obbligazzjonijiet tal-Armata huma ħafna.
Huwa kiteb ċar tond li hu konvint li fil-każ li dwaru saret denunzja, sar dak kollu possibbli biex ikunu salvati l-ħajjiet malajr.
L-inkjesta żiedet tgħid li dawk salvati ma kinux stmati ħażin, saħansitra ntqal li hemm persuni ddedikati ħafna f’xogħolhom li lesti jagħmlu dak kollu possibbli biex isalvaw il-ħajjiet.
Il-Maġistrat qal li din is-sena, sakemm qed ilesti r-rapport ġew salvati iżjed minn 1,200 persuna.
Intqal li allura dan kollu jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak allegat.