Id-deċiżjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea li tagħlaq inkjesta preliminari dwar possibilità ta’ ksur ta’ liġijiet Ewropej li kienet maħsuba li ssir fuq l-MFSA b’rabta ma’ liġijiet Ewropej, dan wara li sabet li l-istess awtorità taderixxi perfettament mal-liġijiet u direttivi Ewropej, hija konferma tas-saħħa tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
B’reazzjoni għal din l-aħbar, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li ċ-ċertifikat ġie fi sfond li għaddejja kritika distruttiva maħsuba li tmajna s-settur tas-servizzi finanzjarji u dan għal skopijiet partiġjani.
L-EBA nnutat ukoll kif Malta hi impenjata ferm rigward id-direttiva kontra l-ħasil tal-flus filwaqt li rrikonoxxiet l-azzjonijiet li ħadet l-MFSA fil-każ ta’ Pilatus Bank. Is-Segretarju Parlamentari Schembri qal li s-settur tas-servizzi finanzjarji huwa importanti, settur li joħloq ammont kbir ta’ impjiegi u jikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku u għalhekk huwa mportanti li l-gvern ikompli jsaħħu.
Silvio Schembri qal li l-gvern wettaq għadd ta’ emendi fejn għandu x’jaqsam operat tal-MFSA u dan biex jagħti lir-regolatur tal-awtorità iktar għodod sabiex jindirizza abbużi u sfidi oħra fis-settur.
Il-gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fl-istess awtorità billi jsir ingaġġ t’iżjed ħaddiema, investiment fl-IT, immodernizzar ta’ proċessi, u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema.
Fl-aħħar nett, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri nnota x-xogħol li qed isir fejn għandu x’jaqsam teknoloġiji ġodda bħal blockchain, speċjalment billi qed tingħata importanza għar-regolamentazzjoni u ssalvagwardjar tal-konsumaturi u sistemi finanzjarji.