L-inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-mewt ta’ Stephen Mangion fl-Emerġenza waslet fl-aħħar tagħha biex il-ġimgħa d-dieħla din mistennija anke tintbagħat lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Mangion ta’ 55 sena mill-Belt miet nhar is-27 t’Awwissu bil-lejl waqt li kien fis-sala ta’ stennija tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei fejn mar għall-ħabta tat-8:00 ta’ filgħaxija minħabba wġigħ kbir f’sidru.
Waqt li filmati mis-CCTVs urew li saritlu l-ewwel vista wara biss sbatax-il minuta, mill-awtopsja rriżulta li l-kawża tal-mewt tiegħu ma kienx attakk tal-qalb, kif kien maħsub oriġinarjament.
Mid-dettalji, li ħarġu s’issa, jirriżulta li Mangion kien ilu minn filgħodu jilmenta mill-uġigħ f’sidru, l-ewwel irrikorra fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, akkumpanjat minn persuna. Minn hemmhekk, erbgħin minuta wara, ġie rrakkomandat lilhom li jmorru l-Isptar fejn Mangion spiċċa jmut ftit sigħat wara.
Sussegwentement infetħu żewġ inkjesti, waħda maġisterjali kif inhi l-proċedura u oħra ordnata mill-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela dwar il-kura u l-ħin tas-servizzi li ngħata r-raġel qabel miet.
ONE News jinsab informat li l-esperti, imqabbdin fl-inkjesta maġisterjali, il-Ġimgħa filgħodu kellhom laqgħa mal-Maġistrat inkwirenti Joe Mifsud. Nifhmu li, minbarra li dawn ippreżentaw ir-rapporti tagħhom, ukoll waslu għall-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom.
F’dak il-każ, din l-inkjesta tkun ingħalqet f’inqas minn ġimagħtejn li seħħ il-każ.