Kelliema tal-Partit Nazzjonalista, inkuż il-Kap, jibqgħu konfużi meta mistoqsija dwar inkjesta Maġisterjali li hemm fuq allegat tixħim lill-Partit Nazzjonalista ta’ Adrian Delia biex David Casa ma jiġix elett MEP.
Din hi akkuża serja li ntużat biex Delia tqaċċat minn postu u, bl-investigazzjoni għaddejja, kompliet tħawwad lill-Partit Nazzjonalista.
B’hekk gawda l-iktar Bernard Grech f’perjodu meta Delia kien attakkat minn kullimkien, f’manuvri kkoordinati minnu u min-nies ta’ madwaru biex hu jkun jista’ jieħu l-kariga.
“M’hemm ebda inkjesta li qiegħda tistħarreġ lilu” – Bernard Grech
Kien l-eks Deputat Nazzjonalista David Thake li kien għamel l-allegazzjoni:
“Kemm kien l-ammont li offra Yorgen Fenech lill-Partit biex David Casa ma jiġix elett? Inti forsi infurmat, jew ma nafx jekk intix infurmat, li offra €50,000 Yorgen Fenech biex Casa ma jiġix elett.”
ONE News kien anki staqsa lil Thake dwar dawn l-allegazzjonijiet.
Huwa kien ċar u saħaq li, dak li kellu xi jgħid, qalu lill-Maġistrat u fl-istess ħin ikkonferma li hemm inkjesta Maġisterjali.
Dan għall-kuntrarju għall-impressjoni li tipprova tingħata llum.
“Mela, il-materja li qed issemmi inti hija soġġetta issa għal investigazzjoni, issa, mhux hekk, u inkjesta maġisterjali, u dak kollu li kelli xi ngħid għidtu lill-Maġistrat” – David Thake
Intant fil-jiem li għaddew, Adrian Delia kompla jħawwad fuq inkjesta Maġisterjali dwaru.
L-ewwel qal li m’hemmx. imbagħad qal li hemm waħda marbuta ma’ allegat tixħim biex il-Partit Nazzjonalista jfixkel lil Casa biex ma jitlax fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Fi kliem Delia:
“Skorrett għall-aħħar meta tgħid li hemm inkjesta Maġisterjali fil-konfront tiegħi. M’hemmx.”
“M’għedtx li ma kienx hemm jew għadx hemm inkjesta Maġisterjali li qed tindaga dwar dak li kien ġie allegat fuq l-elezzjonijiet tal-MEPs.”
B’hekk, fil-Partit Nazzjonalista teżisti skumdità kbira dwar dan u nies ta’ Delia ta’ spiss ifakkru kif dawk li llum iridu jirkbulu l-karru użaw kemm felħu biex mhux biss attakkaw lilu, iżda anke lilhom.