Ġiet konkluża l-inkjesta indipendenti li saret mill-Imħallef irtirat Geoffrey Valencia dwar il-każ ta’ Karmenu Fino.
Fino, anzjan ta’ 83 sena u residenti f’San Vinċenz de Paul, ġie rrappurtat nieqes lill-Pulizija fit-28 ta’ Ġunju li għadda.
F’aġġornament li ta lill-ġurnalisti, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, spjega li l-inkjesta indipendenti tikkonkludi li diversi impjegati ta’ San Vinċenz naqsu mid-dmijirijiet tagħhom u ma mxewx mal-proċeduri tas-soltu. Dan wassal biex, f’dik il-lejla, Karmenu Fino joħroġ mill-faċilità.
Il-ħaddiema involuti huma erba’ carers u infermieri kif ukoll erba’ membri tas-sigurtà.
Ir-rapport juri li, f’dik il-lejla, il-grada prinċipali ta’ San Vinċenz de Paul, li suppost tingħalaq fil-ħdax ta’ bil-lejl u tinfetaħ fis-sebgħa ta’ filgħodu, tħalliet miftuħa.
Joħroġ ukoll li, fis-sala li fiha kien hemm Fino, kien hemm 34 anzjan ieħor. Dan ifisser li, skont ir-regolamenti tas-Saħħa, kien hemm biżżejjed ħaddiema. B’hekk, ġie konkluż li ma kienx hemm nuqqas ta’ ħaddiema.
Madankollu, l-inkjesta turi li, meta ntemm ix-xift tal-ħaddiema li kienu xogħol bil-lejl, dawn naqsu milli jagħtu handover lin-nurses tax-xift ta’ filgħodu u għalhekk ir-rapport li Fino kien nieqes sar filgħodu.
B’rabta ma’ dan, il-Ministru sostna li dan il-każ ma jirriflettix fuq il-ħaddiema kollha ta’ din il-faċilità u faħħar l-isforzi tal-mijiet ta’ impjegati f’San Vinċenz De Paul.
Intant, il-Ministru Abela qal li l-inkjesta tirrakkomanda wkoll bosta miżuri li għandhom jittieħdu, u li l-awtoritajiet mill-ewwel wettqu ħidma sabiex tissaħħaħ is-sigurtà f’San Vinċenz.
Fost ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu hemm dik ta’ tagging u trekking fuq l-anzjani mobbli; miżura li diġà ssir f’xi pajjiżi oħrajn u li, fi kliem il-Ministru Abela, hija t-triq ’il quddiem.
Qal, “Żidna s-security details, bibien u gates li suppost kienu magħluqa, għalaqnihom. Aġġornajna standard operation procedures u qed nesploraw sistema ta’ tagging jew tracking. Din hija sistema li aħna rridu nkunu konxji li trid tkun sistema dinjituża, sistema legali, allura qed naraw x’inhu l-aħjar metodu biex nintroduċu din il-modalità.”
Punt ieħor li ħareġ huwa li għandha ssir defenizzjoni ċara bejn l-irwoli tal-carers kif ukoll tal-infermieri fis-sala, filwaqt li jkun hemm armonija bejn il-ħaddiema u t-tmexxija tar-residenza. Ġie nnutat ukoll li n-noti ta’ rapporti mill-infermieri għandhom jimtlew kif suppost.
Fl-investigazzjoni tiegħu, l-Imħallef Irtirat Valencia tkellem ma’ sittax-il ħaddiem f’ħames seduti differenti.
Sabiex ikun hemm aktar sigurtà f’San Vinċenz, ħarġet sejħa b’mod urġenti għall-kumpaniji kollha tas-sigurtà f’pajjiżna biex jiżdiedu l-uffiċjali tas-sigurtà, filwaqt li ssaħħet s-sorveljanza bil-kameras tas-sigurtà.
Il-Ministru qal li din l-inkjesta ntbagħtet lill-awtoritajiet kollha konċernati, fosthom lit-tmexxija ta’ San Vinċenz, li għandha tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar x’azzjonijiet għandhom jittieħdu lill-Kummissjoni għas-Servizzi Pubbliċi.
Fil-frattemp, l-investigazzjonjiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Il-Ministru Jo Etienne Abela, akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti Christine Schembri, kellu laqgħa formali mal-qraba tas-Sur Fino u għarrafhom bir-riżultati tal-inkjesta. Huma ltaqgħu wkoll ma’ uffiċjali tal-unjins li jirrappreżentaw lill-ħaddiema f’San Vinċenz de Paul.