Sa issa l-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat inkwirenti Joe Mifsud semgħet aktar minn ħamsin xhud.
Dan b’rabta mal-inkjesta li qed issir fuq il-kwerela li fetaħ il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja Jason Azzopardi kontra l-Armata fejn akkuża lis-suldati, lill-Brigadier u lill-Prim Ministru bi qtil volontarju ta’ immigranti.
Sorsi qrib l-investigazzjoni spjegaw lil ONE News kif l-inkjesta, li bdiet il-Ġimgħa sbatax t’April filgħaxija qed tisma’ bir-reqqa dawn ix-xhieda kollha.
L-istess sorsi qalu lil dan is-sit li l-inkjesta se tisma’ wkoll ix-xhieda tas-66 immigrant li ġew salvati mill-Armata u li ddaħħlu f’pajjiżna l-Ħamis 9 t’April filgħaxija.
Dawn kienu l-aħħar immigranti li ddaħħlu f’pajjiżna għaliex wara, f’komunikat ċar, il-Gvern Malti saħaq li mhux se jaċċetta u jiggarantixxi salvataġġ ta’ aktar immigranti hekk kif il-portijiet huma magħluqa.
Dakinhar il-Gvern kien qal li fiċ-ċirkostanzi preżenti, ir-riżorsi lokali ta’ pajjiżna se jibqgħu l-ħin kollu ffukati fuq il-ġlieda kontra l-imxija tal-Coronavirus.
ONE News hu infurmat li għada jagħlaq il-perjodu tal-kwarantina għal dawn l-immigranti li qed jinżammu f’iżolament fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi.
Għalhekk kien mistenni li wara li jgħaddi dan il-perjodu, l-inkjesta Maġisterjali tibda titkellem mal-immigranti iżda fl-aħħar sigħat, il-persuni involuti fl-inkjesta ġew mgħarrfa mill-awtoritajiet tas-saħħa li bħala prekawzjoni, dawn l-immigranti għandhom jitħallew f’iżolament għal ġimgħa oħra u għalhekk ix-xhieda tagħhom se tinstema’ aktar tard.
L-inkjesta hi ffukata f’Xatt it-Tiben fejn hemm l-iskwadra marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta u hemm ankrata wkoll il-patrol boat inkwistjoni P52 u anki fil-bażi tal-ajru tal-Armata f’Ħal Kirkop.
Fuq l-operazzjoni li Jason Azzopardi qed jgħaddi lis-suldati minn investigazzjoni, ġie rrappurtat li l-Forzi Armati tajru l-ajruplani tagħhom għal aktar minn għoxrin siegħa sakemm ġie identifikat id-dinghy, li qed jiġi allegat li fuqu mietu xi immigranti.
L-ajruplani tal-armata taru f’diversi titjiriet f’distanza ta’ aktar minn 3,600 mil nawtiku.
B’kollox aktar minn erbgħin suldat qegħdin jiġu investigati fuq kwerela li fetaħ Jason Azzopardi.
Dan kien ikkonfermah l-avukat Herman Mula li qed jagħti l-assistenza legali lis-suldati.
Intant ilbieraħ, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja Jason Azzopardi ħarab mill-akkużi li fetaħ kontra l-armata.
Wara li akkużhom bi qtil tal-immigranti, Jason Azzopardi prova jaħbi idu billi rrinunzja lilu nnifsu mill-kwerela.
Dan għamlu jum wara li ħarġet informazzjoni mressqa mill-għaqda Repubblika stess li wriet li l-allegat sabotaġġ tad-dgħajsa bl-immigranti ma kien xejn għajr proċedura normali ta’ salvataġġ mill-armata lil persuni li jkunu bejn sema u ilma.