Minkejja l-insistenza proċedurali tal-Kap tal-Oppożizzjoni għall-kopja sħiħa tal-inkjesta Egrant, kif diġa’ kien talab li jsir il-Prim Ministru sa mill-ewwel ġurnata, il-ħafna diskors dwar il-kawża li fetaħ il-Qorti ma jneħħi xejn mill-fatt li din l-inkjesta dwar Egrant, tħammar wiċċ il-Partit Nazzjonalista ta’ Adrian Delia, li issa għamel il-gidba dwar il-familja tal-Prim Ministru, tiegħu.
L-inkjesta Egrant ikkonfermat il-fabbrikazzjoni tal-ikbar gidba fl-istorja permezz ta’ dokumenti u firem foloz.
Huwa wkoll tassew ta’ għajb li llum Adrian Delia fisser li l-flus li ser jingħataw lura l-ġenituri permezz tal-mizura tat-trasport b’xejn bħala “il-Gvern qed jgħammex l-għajn”. Din il-miżura mhux biss neħħiet aktar piżijiet minn fuq il-familji iżda anke għenet fl-isfida tat-traffiku.
B’din it-tip ta’ attitudni Delia qed iġib ruħu eżatt bħal ta’ qablu. Mhux ta’ b’xejn li llum kien ikkonfermat li bħalu reġa’ beda ċ-ċedoli u bħalu se jżomm sigrieti lil dawk li jagħtu l-eluf lill-Partit Nazzjonalista. Minkejja li wiegħed mod ġdid.
Dan qed juri ma’ kull jum li jgħaddi li Delia huwa totalment maqtugħ mhux biss mill-Partit tiegħu, iżda anke mill-poplu, saħaq il-Partit Laburista fi stqarrija.