L-eks Ministru u opinjonista Michael Falzon stqarr li l-ġimgħa li għadha kif intemmet kienet ġimgħa terribbli għall-Partit Nazzjonalista.
Fl-artikolu intitlolat Rushing recklessly to judgement, il-perit Falzon qal li l-inkjesta Egrant mill-Maġistrat Aaron Bugeja ġabet magħha inkwiet kbir f’Tal-Pietà.
Qal li kull min jaqra bir-reqqa l-konklużjonijiet tal-inkjesta, jirrealizza li l-inkjesta kienet kisba kbira għar-rule of law f’pajjiżna.
Il-perit Falzon qal li l-Maġistrat Bugeja għamel biċċa xogħol tajba ħafna u fissirha bħala konferma tal-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja Malta. Qal li l-inkjesta tixhed ukoll li r-rule of law f’Malta hija ħajja u b’saħħitha.
Sostna li dawk bħal Simon Busuttil allegaw li f’Malta m’hawnx ir-rule of Law għamlu dan b’esaġerazzjoni u inutilment.
Qal li dawk li għadhom qed jinsistu li Egrant hija ta’ mart il-Prim Ministru ħarġu b’ruxmata skużi banali għax ma jridux jaċċettaw il-verità.
Sostna li l-verità hi li m’hemm l-ebda rabta bejn Egrant u Michelle Msucat għajr għal dokumenti li ġew pprovati li kienu iffalsifikat.
Qal li kien hemm mijiet ta’ nies li kienu konvinti li egrant hija ta’ Michelle Muscat għax qalitu l-blogger u għax Simon Busuttil ma waqafx jirrepetiha.
Sostna li l-aktar ħaġa stupida li wirtet il-politika malitja tul iz-zmien li Simon Busuttil dam kap tal-PN u kap tal-oppozizzjoni hija l-mod stupidu li bih kien jirreaġixxi għal ċertu allegazzjonijiet.
Huwa sostna li l-mod stupidu u traskurat li bih kien jasal għal ġudizzju jagħmlu wieħed mill-agħar mexxejja fl-istorja politika ta’ pajjiżna.
Saħaq li l-istorja Egrant se tibqa’ mażżra m’għonq il-Partit Nazzjonalista sakemm ma jiddizassocjax lilu nnifsu minn magħha immedjatament.
Fid-dawl tal-fatt li l-eks kap nazzjonalista simon busuttil baqa’ jirrifjuta milli jissospendi lilu nnifsu mill-partit, il-perit Falzon qal li l-Kap Nazzjonlista Adrian Delia jrid jieħu deċiżjonijiet iebsin jekk irid juri li huwa l-kap tal-partit u jiġbor xi ftit tar-rispett għall-Partit Nazzjonalista.