L-inkjesta Egrant għandha tiġi ppubblikata bid-differenza li għandhom jitneħħu ċertu dettalji li jistgħu jippreġudikaw l-investigazzjonijiet kriminali li għadhom għaddejjin kif ukoll li jistgħu jaffetttwaw il-privatezza ta’ terzi persuni.
Dan iddikjarah id-Dekan tal-Fakulta’ tal-Liġi l-Professur Kevin Aquilina f’intervista li ta lill-gazzetta Malta Independent fejn qal li minkejja li l-Avukat Ġenerali huwa fid-dmir li jipproteġi l-interessi ta’ terzi persuni, l-inkjesta Egrant għandha tiġi ppubblikata f’verżjoni editjata.
Il-Professur Aquilina qal li l-minkejja s-sensittivita’ ta’ dan il-każ, l-Avukat Ġenerali għamel sew li ppubblika l-iżviluppi prinċipali kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Maġistrat Inkwirenti Aaron Bugeja li iswed fuq l-abjad iddikjara li l-kumpanija Egrant la hija tal-Prim Ministru u wisq anqas ta’ martu jew qrabatu.
Fl-artiklu, id-Dekan tal-Fakulta tal-Liġi ddeskriva l-każ Egrant bħala inkjesta ta’ natura sensittiva ħafna li kellha implikazzjonijiet nazzjonali fuq il-governanza Maltija.
Huwa semma kif l-Avukat Ġenerali ta kopja tal-inkjesta kollha lill-Prim Ministru għar-raġuni li l-investigazzjoni ntalbet minnu stess u kkonċernat lilu u lill-martu.
Id-Dekan sostna li ċertu dettalji għandhom jitneħħew ħalli b‘hekk jiġi stabbilit minn kien il-moħħ wara din l-istorja u jkunu jistgħu jittieħdu passi kriminali fil-konfront ta’ persuni li l-Maġistrat Bugeja jkun talab lill-pulizija biex tinvestiga.
Madankollu, minkejja l-interess nazzjonali li għandha din l-inkjesta, id-Dekan semma kif l-Avukat Ġenerali huwa fid-dover li ma jagħmel xejn li jista’ jippreġudika l-innoċenza ta’ terzi persuni jew ta’ passi kriminali li jistgħu jittieħdu; u għalhekk, f’każ li l-Avukat Ġenerali jippubblika l-inkjesta kollha, għandu jneħħi partijiet minnha ħalli b’hekk ikunu ssalvagwardjati l-aħjar interessi tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.