L-inkjesta amministrattiva, li se titmexxa mill-Imħallef irtirat Geodfrey Valenzia, għandha sa nofs Marzu li ġej biex tagħti r-rakkomandazzjonijiet tagħha b’rabta mas-serqa ta’ droga minn kontejner fil-barracks tal-Armata f’Ħal Safi.
Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela waqt l-istqarrija ministerjali tiegħu li ta fil-Parlament it-Tlieta waranofsinhar. Intqal ukoll li, fis-sigħat li ġejjin, se jitħabbru t-termini ta’ din l-inkjesta.
Hawnhekk Dr Abela fakkar kif hemm tliet investigazzjonijiet dwar dan il-każ – dik mill-Pulizija, dik Maġisterjali u dik amministrattiva.
“Fuq dan il-każ, Sur President, għandu jipprevali biss l-interess li min kien responsabbli għal dak li ġara jiffaċċja l-ħaqq u l-ġustizzja, każ serju, iżda ma jissolviex bit-teatrini li rajna fl-aħħar sigħat min-naħa l-oħra.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Qal li l-Gvern se jibqa’ jagħti r-riżorsi kollha meħtieġa biex dan il-każ jissolva.
Il-Prim Ministru qal li, is-sena l-oħra, l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fi ħdan il-Korp tal-Pulizija bdiet 214-il investigazzjoni ġdida, li minnhom 193 ingħalqu b’suċċess. B’dan ifisser rata ta’ suċċess ta’ aktar minn 90%.
Spjega li, fl-2024, inqabdu aktar minn 4,300 kilo reżina tal-kannabis u aktar minn 2,200 kilo ta’ droga kokaina.
Bħall-jum ta’ qabel, din is-seduta kienet ikkaratterizzata minn interruzzjonijiet mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u d-Deputat tal-establishment Nazzjonalista Karol Aquilina.
Hawnhekk il-Prim Ministru talab ruling mingħand l-Ispeaker. Dan hekk kif l-istess Karol Aquilina qal li Dr Abela hu sħab il-kriminali.
“Is-sedja għadha kif tat ruling li d-diskors li għamlet l-Oppożizzjoni fil-konfront tal-bieraħ, mhux aċċettabbli. Jekk jerġgħu jirrepetu li aħna s-sħab tal-kriminali għal kull darba se niqfilhom bis-saħħa, sħab tal-kriminali intom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Qalb dawn l-interruzzjonijiet mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, Dr Abela poġġa ittra tal-eks Avukat Ġenerali Anthony Borg Barthet minn żmien Gvern Nazzjonalista, b’rabta ma’ maħfra li ngħatat fuq każ tad-droga.
Saħansitra, id-Deputat Karol Aquilina attakka b’mod ċar lill-Ispeaker.
“U allura, Mr Speaker, għandek twaqqaf lill-Prim Ministru. Issa jekk inti m’intiex kapaċi żżomm lill-Prim Ministru, ma’ dak li qed tgħid inti stess. Nafu lkoll x’naħsbu dwarek.”
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina
Il-Prim Ministru għalaq hekk id-diskors tiegħu.
“Sur President, hekk hu skada l-ħin, għax interrompewni kemm-il darba. Nagħlaq, però, b’messaġġ li l-appoġġ tagħna lill-Korp tal-Pulizija kien, għadu u jibqa’ hemmhekk. Nagħlaq b’messaġġ ċar ħafna: we will get through to the bottom of this.”
Il-Prim Ministru Robert Abela