L-inkjesta amministrattiva, skont l-Att tal-Inkjesti, fil-każ Jean Paul Sofia se tibda nhar il-Ħamis li ġej, 10 ta’ Awwissu, f’awla numru 22 tal-Qorti.
Din l-inkjesta tħabbret mill-Prim Ministru Robert Abela u se tkun immexxija mill-Ombudsman, l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon, flimkien mal-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, u l-Perit Mario Cassar.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Gvern ħabbar it-Termini ta’ Referenza ta’ din l-inkjesta, fejn fosthom se tkun mistħarrġa jekk l-allokazzjoni tal-art minn entitajiet tal-Gvern saritx skont il-liġi u ssemma wkoll li għandu jkun investigat jekk hemmx rabta bejn l-allokazzjoni tal-art, it-tiġrif tal-binja u l-konsegwenzi tagħha.
Jean Paul Sofia miet fit-3 ta’ Diċembru li għadda meta ġġarrfet binja fil-Qasam Industrijali ta’ Kordin.
Riċentament tlestiet ukoll l-inkjesta Maġisterjali li saret mill-Maġistrat Marseanne Farrugia u ġew imressqa ħames persuni l-Qorti dwar dan il-każ.