Fi Frar li għadda, pajjiżna rreġistrata l-inqas rata ta’ inflazzjoni mill-bidu tal-isfidi internazzjonali bla preċedent, bil-pandemija globali u l-gwerra fl-Ukrajna.
Skont ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO ħareġ li x-xahar li għadda, ir-rata annwali tal-inflazzjoni skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur kien jammonta għal tlieta fil-mija.
Dan ifisser tnaqqis ta’ 0.7 fil-mija, meta mqabbel ma’ xahar qabel, jiġifieri f’Jannar.
Dan in-nuqqas ta’ kważi punt perċentwali ġie permezz tal-inizjattiva Stabbiltà, li bdiet mill-bidu ta’ Frar.
Din l-inizjattiva tinkludi fiha aktar minn erba’ mitt prodott bi prezz stabbli, fi ħmistax-il kategorija tal-ikel, wara ftehim bejn il-Gvern mal-importaturi u ma’ tal-ħwienet.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li f’temp ta’ sena, l-inflazzjoni niżlet b’erbgħa fil-mija. Dan hekk kif fi Frar tas-sena l-oħra, ir-rata ta’ inflazzjoni ta’ pajjiżna kienet ta’ sebgħa fil-mija.
Fl-aħħar rapport pożittiv għall-ekonomija Maltija mill-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu, Fitch Ratings, innota li din l-inizjattiva waslet għal tnaqqis fir-rata tal-inflazzjoni tal-oġġetti tal-ikel ix-xahar li għadda. Tant li bassru li l-għoli tal-ħajja se tinżel taħt it-3% din is-sena u jersaq lejn it-2% fis-snin ta’ wara.
Sadanittant, b’rabta ma’ din l-aħbar irreaġixxa l-Prim Ministru Robert Abela. Fuq il-midja soċjali, Dr Abela sostna li l-inizjattiva Stabbiltà naqqset l-inflazzjoni f’pajjiżna b’mod qawwi. F’din il-kitba, il-Prim Ministru saħaq li l-politika tal-Gvern fl-ekonomija qed tkompli tagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies.