Il-pika bejn partitarji Ingliżi u Russi inħasset sa mill-bieraħ filgħodu u kompliet teskala filgħaxija. Wara l-logħoba tal-EURO 2016 bejn iż-żewġ timijiet fi Franza, ir-Russi ħebbu għas-sapporters Ingliżi.
B’riżultat ta’ dan, mill-inqas 31 persuna ndarbu, erba minnhom b’mod gravi. Dawn jinkludu uffiċċjali tal-Pulizija Franċiża.
Pulizija preżenti waqt il-ġlieda sparaw gass tad-dmugħ lejn il-folol li waddbu flixkien tal-ħġieġ u oġġetti oħra lejn xulxin. Il-partitarji ħarbu minn fuq il-post hekk kif dan il-gass invada t-toroq ta’ Marsilja, fejn saret il-ġlieda.
Tul il-jiem li għaddew mill-inqas 17-il persuna ġew arrestati minħabba diżgwid fuq il-logħob tal-Ewro 2016 li beda nhar il-Ġimgħa. Il-Ministeru għall-Intern fi Franza saħaq li kienu ntbagħatu mal-elf uffiċċjal tal-Pulizija biex jaraw li ma jinqala xejn waqt il-ħin tal-logħoba.
Intant, rappreżentanti mill-UEFA qalu li l-assoċċjazzjoni mistennija toħroġ stqarrija dwar l-azzjoni li se tittieħed fid-dawl ta’ dan l-inċident. Dawn jistgħu jinkludu sanzjonijiet għaż-żewġ pajjiżi nvoluti, għaliex skont il- UEFA, “Atti vjolenti bħal dawn, mhux postom fil-futbol”.