Matul tmiem il-ġimgħa li għadda, GO ħadmet b’kull ma kellha sabiex tiżgura li l-klijenti jkollhom l-inqas inkonvenjent wara li kuntrattur mhux relatat ma’ GO li kien qed jagħmel xi xogħol, b’aċċident laqat numru ta’ fibre cables ta’ GO fis-Siġġiewi, b’konsegwenza li mijiet ta’ djar fis-Siggiewi u l-lokalitajiet tal-madwar spiċċaw mingħajr broadband, TV u servizzi tat-telefon.
Għalkemm il-kundizzjonijiet biex taħdem kienu diffiċli u t-temp kien ħażin, GO mill-ewwel bagħtet it-tim tekniku fuq il-post u qabbdet kuntratturi oħrajn biex flimkien, iħaffu l-proċess. Fil-fatt, dawk kollha involuti, ħadmu matul il-lejl kollu u matul il-Ħadd, jikxfu l-pajpijiet u jpoġġu n-network cables kollha biex ikunu jistgħu ireġġgħu is-servizzi kollha lura għan-normal fl-iqsar żmien possibbli. Fil-fatt, ħafna mill-aktar servizzi kritiċi reġgħu lura għan-normal f’inqas minn 24 siegħa.
Iċ-CEO ta’ GO Nikhil Patil esprima r-ringrazzjament tiegħu lill-klijenti kollha tal-paċenzja li kellhom jieħdu.
“Aħna napprezzaw kemm dawn is-servizzi huma kritiċi għall-klijenti tagħna u kemm hija frustranti għalihom meta jseħħu dawn il-ħsarat. Aħna nifhmu l-frustratzzjoni tagħhom speċjalment meta dawn il-ħsarat ikunu lil hinn mill-kontroll tagħna. Dawn il-ħsarat ma nistgħu qatt nantiċipawhom u għalhekk diffiċli li wieħed jippjana għalihom. Għalhekk, meta jseħħu, kulħadd imidd idu għax-xogħol biex il-klijenti tagħna jbatu mill-inqas.”
“Sfortunatament, ikollna inċidenti bħal dawn mill-inqas darbtejn fil-ġimgħa u dawn ikunu dejjem kawżati minn terzi persuni, ħafna drabi waqt xogħol ta’ kostruzzjoni. Fortunatament, mhux l-inċidenti kollha jkunu kritiċi daqs kemm kien dan ta’ tmiem il-ġimgħa li għadda, għaldaqstant dawn il-ħsarat jiswewna mijiet ta’ eluf kull sena, u agħar minn hekk, joħolqu inkonvenjenti kbar lill-klijenti tagħna,” żied jgħid is-Sur Patil.
Inċidenti bħal dawn ikunu jirrikjedu tim multi-dixxiplinarju biex jaħdem lejl u nhar sabiex jirrestawra s-servizzi u fl-istess ħin, iżomm lill-klijenti l-ħin kollu aġġornati. Il-call centre ta’ GO ma waqafx, fejn matul dawn l-aħħar jiem, 70 aġent ħadu ħsieb 4700 telefonata bejniethom.
“F’sitwazzjonijiet kritiċi bħal din li għadu kemm kellna, ikollna bżonn neżaminaw is-sitwazzjoni malajr kemm jista’ jkun sabiex nidentifikaw l-aħjar mod kif naħdmu fid-dawl tal-kundizzjonijiet li fihom ikollna nwettqu x-xogħol. Qatt mhu faċli iżda kburi bit-tim kollu u bid-dedikazzjoni tagħhom.
Matul il-ġranet li ġejjin, GO se tkun qed tikkomunika mal-klijenti kollha li kienu milquta b’ġest bħala kumpliment għall-inkonvenjenza kkawżata lilhom.