Fl-aħħar żewġ partiti tat-Tlieta filgħaxija, l-Ingilterra u l-Istati Uniti rebħu l-partiti rispettivi kontra Wales u l-Iran biex b’hekk spiċċaw fl-ewwel żewġ pożizzjonijiet ta’ Grupp B.
Fl-Ahmed bin Ali Stadium l-Ingilterra rebħu 3 – 0 kontra Wales bil-partita timmaterjalizza fit-tieni 45 minuta. L-eroj tal-Ingliżi kien bla dubju l-attakant ta’ Manchester United Marcus Rashford li skorja żewġ gowls mill-isbaħ. Rashford fetaħ l-skor minn free-kick u sekondi biss wara Phil Foden għamilhom 2 – 0. Fit-68 minuta kien mill-ġdid Rashford li temm azzjoni personali fix-xibka għal 3 – 0.
Ir-reazzjoni ta’ Wales kienet prattikament ineżistenti bil-konfront jintemm f’rebħa għal Ingilterra ta’ 3 – 0 biex b’hekk l-Ingliżi ta’ Southgate spiċċaw l-impenji tagħhom fil-grupp fl-ewwel post b’total ta’ 7 punti.
Fil-partita l-oħra mill-stess grupp, l-Istati Uniti rebħu 1 – 0 kontra l-Iran biex b’hekk ikkwalifikaw bit-tieni post.
Fl-Al Thumama Stadium l-Istati Uniti ddominaw għal ħafna ħinijiet kontra l-Iran u minkejja li skorjaw gowl wieħed biss, żgur li ma serqux ir-rebħa.
L-uniku gowl tal-partita ġie skurjat mill-plejer ta’ Chelsea Christian Pulisic li wara li rċieva mingħand Sergino Dest xeħħet fix-xibka tal-Iran.
Fir-rawnd tal-aħħar sittax għalhekk l-Ingilterra ser tilgħab kontra s-Senegal nhar il-Ħadd li ġej filwaqt li l-Istati Uniti jilagħbu kontra l-Olanda s-Sibt.
Ritratt: Goal.com