Fl-aħħar partita tal-Ġimgħa u t-tieni waħda minn Grupp B, l-Ingilterra ġew miżmuma fid-draw ta’ 0 – 0 mill-Istati Uniti f’logħba bilanċjata bl-Amerikani jiddettaw għal ħafna ħinijiet fl-ewwel taqsima u bl-Ingliżi jitjiebu fit-tieni 45 minuta.
Il-prestazzjoni tat-tim immexxi minn Gareth Southgate żgur ma kienitx tal-stess livell daqs l-ewwel konfront tal-grupp kontra l-Iran għaliex quddiemhom sabu tim organizzat, kompatt u fuq kollox veloċi li ma għamililhom xejn faċli tul il-konfront kollu.
L-aħjar ċans tal-partita ġie mill-Istati Uniti meta l-konklużjoni ta’ Pulisic stampat mal-lasta difiża minn Pickford.
Fl-aħħar mumenti tal-partita l-Ingilterra setgħu faċilment marru fil-vantaġġ u rebħu l-konfront meta d-daqqa ta’ ras ta’ Harry Kane spiċċat barra.
Minkejja dan id-draw, l-Ingilterra xorta jinsabu fl-ewwel post tal-Grupp b’total ta’ 4 punti, punt wieħed biss fuq l-Iran li aktar qabel illum għelbu lil Wales 2 – 0.
Ritratt: The Times