Fl-immigrazzjoni, l-Ingilterra għandha x’titgħallem minn Malta. Dan sostnih il-Ministru Ingliż għall-Ewropa Leo Docherty f’intervista li kellu mal-ġurnal Times of Malta.
Docherty sostna li Malta dehret li qed tagħmel suċċess f’dan is-suġġett delikat tal-immigrazzjoni illegali, anki permezz tal-ħidma li saret ma’ pajjiżi ġirien bħal-Libja. Hawnhekk irreferi għall-ftehim li ġie ffirmat bejn Malta u l-Libja fl-2020 u li bih ġew iffurmati żewġ Ċentri ta’ Kordinazzjoni fiż-żewġ pajjiżi.
Huwa spjega wkoll li Malta ħadmet anki billi kkontrollat l-ammont ta’ persuni li qasmu bejn l-Afrika u Malta rregolarment permezz ta’ deterrenti.
Fil-fatt, fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari ftit tal-ġimgħat ilu, ħareġ kif matul is-sena li għaddiet, in-numru ta’ immigranti irregolari li ntbagħtu lura pajjiżhom jew li ġew rilokati lejn stati membri Ewropej, kien ikbar minn dak ta’ kemm ġew salvati miż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ pajjiżna.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri spjega li s-sena l-oħra ġew salvati 380 immigrant irregolari, u fl-istess waqt, 315 intbagħtu lura pajjiżhom u 159 oħra ġew rilokati lejn pajjiżi oħra Ewropej.
Ċifri maħruġa mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni wrew kif tul is-sena li għaddiet, l-Awtoritajiet Libjani interċettaw u salvaw aktar minn sbatax-il elf immigrant irregolari.
Docherty spjega wkoll kif fiż-żmien li ġej mistennija ssir laqgħa bejn il-Ministru tal-Intern Ingliż, James Cleverly u l-Ministru tal-Intern Malti Byron Camilleri fl-Ingilterra stess, fejn fost affarijiet oħra se tiġi diskussa t-tema tal-immigrazzjoni.