F’seminar, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, ġew diskussi r-responsabbiltajiet u d-dmirijiet relatati mas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fi ħdan is-Settur Pubbliku.
Dan sar bħala parti mill-kampanja ta’ informazzjoni li qed tagħmel l-awtorità biex tkompli żżid l-għarfien dwar ambjent tax-xogħol li jkun sigur għal kulħadd.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Josianne Cutajar saħqet fuq l-importanza ta’ dawn is-seminars fejn rappreżentanti ta’ entitajiet fi ħdan is-settur pubbliku jkollhom l-opportunità jipparteċipaw f’diskussjoni wiesgħa u jressqu l-ħsibijiet tagħhom.
“Se nkunu qed inniedu dawn l-interventi u bdejna bl-amministrazzjoni tas-Servizz Pubbliku biex aħna nkomplu nxerrdu dik l-edukazzjoni, dik l-informazzjoni ta’ prevenzjoni biex kemm jista’ jkun innaqqsu u nikkontrollaw il-perikli u r-riskji speċjalment mis-siti ta’ kostruzzjoni.”
Preżenti għal dan is-seminar kien hemm il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, li saħaq fuq l-importanza ta’ aktar għarfien dwar dan is-suġġett.
“Dan hu parti minn sforzi akbar ta’ għarfien li l-awtorità se tkun qed tagħmel matul is-sena d-dieħla biex dwar dan is-suġġett ikun hawn għarfien iżjed, taħriġ akbar u fuq kollox nindirizzaw lill-mixja tagħna lejn kultura akbar favur saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.”
Għal dan is-seminar attenda wkoll il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana.