It-tixrid tal-inforamzzjoni jservi ta’ għodda kruċjali li tnaqqas il-biża’ u l-ansjeta` li jinħolqu bl-immigrazzjoni qalb l-immigranti nfushom u dawk li jilqgħuhom fosthom, qal Alfred Sant, il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew waqt li indirizza l-Konferenza dwar ir-rwol ta’ dawk li jfasslu l-politika u r-rwol tal-ġurnalisti biex jifformaw il-perċezzjoni pubblika dwar l-immigrazzjoni.
Dr Sant qal li studji tal-media u l-immigrazzjoni fir-reġjun tal-Mediterran juru li l-media tradizzjonali għandha riżorsi limitati biex tanalizza u tirrapporta l-effetti fit-tul tal-immigrazzjoni. Il-media tradizzjonali tista’ biss tittratta avvenimenti li jistgħu jinqalgħu mingħajr r-riżorsi biex twettaq u tanalizza r-riżultati ta’ investigazzjonijiet wiesgħa. Din hija problema għax l-immigrazzjoni ma għandhiex tiġi eżaminata fuq żmien qasir, fuq avvenimenti meħuda każ b’każ, qal l-MEP.
“Fin-natura tiegħu stess ir-rapportaġġ tal-media jiffoka ġurnata b’ġurnata dwar dak li hu barra mill-ordinarju. Dan ħafna drabi jissarraf f’aħbarijiet negattivi – allura dak li hu negattiv u drammatiku jiġi rrapportat, dak li jdum biex jiżvolġi u huwa pożittiv jiġi injorat.”
Fil-qasam tal-immigrazzjoni l-istess bħal f’ħafna kwistjonijiet oħra kurrenti, il-media tradizzjonali qed tinħonoq mill-media soċjali, bil-possibilita` li dan il-qasam jagħti lok għal aħbarijiet foloz u messaġġi mhux preċiżi.
“L-immigrazzjoni tal-massa ħafna drabi tkun karatterizzata minn nuqqas ta’ ftehim, diżappunti, suspetti, biżgħat, riżentiment, rabja kif ukoll minn tama, serħan tal-moħħ, rassenjazzjoni, melankonija jekk mhux disprament minn eluf, mijiet ta’ eluf, miljuni ta’ nies. ”
Dr Sant qal li l-immigrazzjoni tal-massa hija proċess li jimpenja – ħafna drabi jiddistabilizza – soċjetajiet sħaħ, jimmarka diskontinwita` kbira, ekonomika u soċjali, għall-immigranti u dawk li jilqgħuhom. La għandha bidu ċar u l-anqas tmiem, għaliex in-nies jibqgħu jħossu l-impatt u l-konsegwenzi tagħha tul ħafna żmien u permezz ta’ aktar minn ġenerazzjoni waħda.
“It-twemmin li l-immigrazzjoni tal-massa tista’ titmexxa b’bakketta maġika mil-lat ta’ integrazzjoni jew li tista’ tkun żviluppata b’mod separat, hija illużjoni. L-individwi m’humiex bħal ikel fil-bottijiet, li jistgħu jitpoġġew fejn xulxin fuq xkaffa tal-Lidl mingħajr problemi.”
Dr Sant qal li l-immigranti għandhom il-kultura tagħhom u l-karatteristiċi intellettwali u spiritwali tagħhom. Huma joħolqu l-interpretazzjoni soċjali tagħhom tar-realta` li ħafna drabi ma taqbilx ma’ tal-oħrajn, jekk titqiegħed wisq kmieni fl-istess spazju mingħajr il-preparazzjoni meħtieġa.
“Dan ifisser li lil hinn milli nirrepetu r-ritornell dogmatiku liberali fundamentalist jew faxxist, irridu nkunu sensittivi ħafna jekk irridu mmexxu l-forzi li qed jilagħbu flimkien meta sseħħ l-immigrazzjoni tal-massa. Bil-kelma “suċċess”, wieħed ifisser li kollox jimxi b’suċċess skont il-valuri Ewropej tas-solidarjeta`, id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi tad-dritt. Imma suċċess ifisser ukoll li kollox jimxi skont in-normi ta’ stat li jirrikonoxxi u jalloka “dar” liċ-ċittadini, waqt li jadotta miżuri li jipproteġu l-interessi ta’ dawk kollha li jħossuhom mhedda – li jistgħu jkunu kemm l-immigranti nfushom u kemm dawk li qed jilqgħuhom. F’dan l-eżerċizzju, it-tixrid mingħajr dewmien tal-fatti isir fattur li jaffettwa l-iżvilupp tas-sitwazzjoni.”
Dr Sant qal li n-nies iridu jisimgħu x’inhuma l-fatti reali bie ikun hemm l-aċċettazzjoni razzjonali tal-fenomenu tal-immigrazzjoni. Il-media jista’ jkollha, għandu jkollha rwol kruċjali fil-ħolqien ta’ kuxjenza fost il-poplu inġenerali tal-kwistjonijiet, l-isfidi u l-perikli tal-immigrazzjoni tal-massa.
Il-konferenza kienet organizzata mill-ICMPD – iċ-Ċentru Internazzjonali tal-Iżvilupp tal-Politika tal-Immigrazzjoni u ingħatat spinta minn Mercedes Bresso, Ewroparlamentari Taljana u waħda mill-Viċi-Presidenti tal-S&D.