L-għajnuna tal-Gvern fis-settur tal-enerġija se tiżdied minn erba’ mija u tnejn u sebgħin miljun ewro għal xejn inqas minn sitt mitt miljun ewro s-sena d-dieħla.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie ppubblikat id-dokument ta’ qabel il-Budget, ftit inqas minn xahar qabel jiġi ppreżentat il-Budget għas-sena 2023.
Il-Ministru Caruana sostna li l-Gvern mhux se jdaħħal piżijiet ġodda, la issa u lanqas is-sena li ġejja.
Minkejja l-isfidi li għadda minnhom pajjiżna f’dawn l-aħħar snin, bħal pajjiżi oħra, kawża tal-pandemija u issa l-gwerra fl-Ukrajna, il-Ministru Caruana qal li t-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna s-sena li ġejja mistenni jkun it-tieni l-ikbar fl-Ewropa; b’żieda ta’ 4%.
Il-Ministru sostna li Malta qabżet il-medja Ewropea fis-suq tax-xogħol u dan seħħ bis-saħħa tal-miżuri li ttieħdu fl-aħħar snin, fosthom biex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Sas-sena 2025, aktar minn 84% tal-popolazzjoni Maltija ta’ bejn il-15 u l-65 sena, mistennija jkunu fid-dinja tax-xogħol.
Il-Ministru spjega li mhix kumbinazzjoni li pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Huwa qal li grazzi għall-miżuri tal-Gvern biex jgħin lill-ekonomija, l-inflazzjoni ma komplietx tgħolli rasha.
Huwa fakkar kif il-kumpens għall-għoli tal-ħajja fil-Budget għas-sena d-dieħla se jkun ta’ bejn €9 u €10 fil-ġimgħa. Li kieku l-Gvern ma ħax id-deċiżjonijiet li ħa, il-kumpens kien ikollu jkun ta’ €25.
Il-Ministru Caruana ħabbar li minkejja n-nefqa ta’ €825 miljun f’wage supplements u kważi nofs biljun ewro fl-enerġija, sas-sena 2027 d-dejn f’pajjiżna se jibqa’ stabbli u pajjiżna mhux ħa jitgħabba b’dejn li ma jiflaħx għalih.
F’kumment ma’ ONE News, il-Ministru Caruana assigura li l-Gvern se jħalli l-finanzi ta’ pajjiżna aktar sodi biex Malta tkompli tiżviluppa għal ġejjieni aħjar.
Qal, “Hekk hu llum fil-launch tal-pre-budget document li eventwalment iwassalna għad-data tal-budget spjegajt kif importanti li nżommu l-finanzi tal-pajjiż b’saħħithom ħalli dak li qegħdin nagħmlu llum fil-qasam tal-enerġija jiġifieri li nżommu milli l-kontijiet jogħlew nkomplu nsostnuh fil-ġimgħat, ix-xhur u s-snin li ġejjin. Dan kollu huwa importanti ħalli mhux biss nissalvagwardjaw l-għajxien tal-familji Maltin u Għawdxin imma nkomplu naraw ukoll li l-ekonomija tagħna tkompli tikber.”