F’Awwissu r-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna baqgħet inqas minn dik irreġistrata fil-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, waqt li baqgħet tonqos, din id-darba b’0.6% imqabbel max-xahar ta’ qabel.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
Dan hekk kif ix-xahar li għadda, ir-rata tal-inflazzjoni lokali kienet ta’ 5%, waqt li r-rata medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kienet ta’ kważi 6% jew kważi punt perċentwal aktar minn ta’ pajjiżna.
Skont dawn l-aħħar ċifri, pajjiżna baqa’ jniżżel ir-rata ta’ inflazzjoni xahar wara l-ieħor. F’pajjiżi b’ekonomiji enormi, bħall-Istati Uniti u r-Renju Unit, l-inflazzjoni reġgħet qed terfa’ rasha wara li l-prezz taż-żejt, fl-aħħar xhur, żdied b’aktar minn għoxrin dollaru kull barmil.
Ir-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna x-xahar li għadda naqset b’aktar min-nofs punt perċentwal, hekk kif fix-xahar ta’ Lulju, ir-rata ta’ inflazzjoni kienet ta’ 5.6%.
Fl-aħħar xhur, l-inflazzjoni għolliet rasha kawża tal-Gwerra fl-Ukrajna, l-istess konflitt ġab ukoll kriżi fis-settur tal-enerġija.
Fl-aħħar sena u nofs, il-Gvern Malti investa aktar minn ħames mija u erbatax-il miljun ewro f’sussidji biex jibqa’ jagħti stabbilità lill-familji u lin-negozji fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali mingħajr preċedent.
Dan wassal biex pajjiżna kien l-uniku wieħed fl-Unjoni Ewropea fejn il-kontijiet tal-enerġija, il-fuels u l-gass m’għolewx mindu faqqgħet il-Gwerra fi Frar tas-sena l-oħra.