F’April, ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna kompliet tonqos biex ġiet 2.4% u issa ġiet taħt il-medja tal-Unjoni Ewropeali hi ta’ 2.6%. Ir-rata għal Malta issa naqset għall-inqas livell minn Settembru 2021 ’il hawn.
Minbarra hekk, mindu fil-bidu ta’ Frar iddaħħlet l-iskema ‘Stabbiltà’, l-inflazzjoni f’pajjiżna naqset minn 3.7% għal 2.4%, li jfisser tnaqqis ta’ aktar minn terz, waqt li madwar l-Unjoni Ewropea t-tnaqqis kien ta’ 0.5%, meta minn 3.1% ġie 2.6%.
Irrapportat dwar dan il-gazzetta It-Torċa fl-aħħar ħarġa tagħha fejn uriet id-differenza fis-sitwazzjoni li qed jgħix pajjiżna, grazzi għad-deċiżjonijiet għaqlin tal-Gvern Laburista, immexxi minn Robert Abela.
It-Torċa qalet li, mindu bdiet l-iskema ‘Stabbiltà’, li raħħset aktar minn 450 prodott tal-ikel essenzjali u se jibqgħu stabbli sa mill-iqnas Ottubru li ġej, l-inflazzjoni f’pajjiżna waqgħet darbtejn u nofs aktar mit-tnaqqis irreġistrat madwar l-Unjoni Ewropea.
Dan hu rifless fil-fatt li, bejn Marzu u April, l-indiċi tal-prezzijiet tal-ikel u x-xorb reġa’ naqas, it-tielet xahar konsekuttiv. Biex b’hekk bejn tmiem Jannar u tmiem April, skont il-Eurostat, il-prezz tal-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku f’pajjiżna naqsu b’1.7%.
Fl-istess xhur fl-Unjoni Ewropea kien hemm żieda ta’ 0.3%, li jfisser li s-sitwazzjoni għall-konsumatur Malti kienet 2% aħjar minn dik li ffaċċjaw il-konsumaturi Ewropej.
L-agħar sitwazzjoni kienet f’Ċipru fejn il-prezzijiet tal-ikel u x-xorb żdiedu bi kważi 2% f’dawn it-tliet xhur. Fil-pajjiż ġar tagħna tal-Italja, li wkoll hu s-sors ta’ ħafna ikel li nikkonsmaw, kien hemm tnaqqis ta’ 0.3% bejn Jannar u April ferm inqas minn dak fostna.
Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jispikka l-impatt qawwi li kellha l-iskema ‘Stabbiltà’ biex waqqfet iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel lokali.