FʼLulju li għadda, ir-rata annwali tal-inflazzjoni f’pajjiżna, kif imkejla mill-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur, kienet taʼ 2.3 fil-mija. Waqt li din hi ħarira ogħla mit-2.2 fil-mija rreġistrat fix-xahar taʼ qabel ta’ Ġunju, l-inflazzjoni lokali xorta baqgħet taħt il-medja taż-Żona Ewro, b’0.3 fil-mija inqas.
Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisika, l-NSO, indikaw li xahar ilu, l-ogħla rati annwali taʼ inflazzjoni kienu rreġistrati fil-prodotti u servizzi oħrajn, kif ukoll fl-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku, waqt li, min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni, flimkien mal-għamara, it-tagħmir tad-dar u l-manutenzjoni fir-residenzi rreġistraw l-inqas rati.
FʼLulju li għadda wkoll, l-akbar kontributur fl-inflazzjoni kien l-Indiċi tar-Restoranti u l-Lukandi, l-aktar minħabba prezzijiet ogħla fir-restoranti, waqt li jsegwi kien hemm l-Indiċi tal-Ikel u x-Xorb Mhux Alkoħoliku,l-iżjed kawża ta’ prezzijiet ogħla tal-frott u prodotti tal-iġjene personali.
Bil-maqlub, l-Indiċi tal-Komunikazzjoni kkontribwixxa għal tnaqqis fl-inflazzjoni bi prezzijiet inqas għas-servizzi tal-mowbajls.
L-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur Malti, imqabbel mal-aħħar ċifri taż-Żona tal-Ewro, jixhed li, fʼLulju, ir-rata annwali fostna baqgħet f’livelli baxxi mill-bqija u partikolarment dik fil-bqija tal-pajjiżi li jħaddnu l-munita ewro, fejn il-medja kienet ta’ ftit aktar minn 2.6 fil-mija.
Waqt li l-mira tal-Bank Ċentrali ta’ Malta tibqa’ dik ta’ tnejn fil-mija, minn Frar li għadda l-inflazzjoni f’pajjiżna esperjenzat tnaqqis sinifikanti, partikolarment wara l-introduzzjoni tal-iskema tal-Gvern ‘Stabbiltà’ f’aktar minn 450 prodott tal-ikel essenzjali.
Il-ftehim mal-importaturi u l-bejjiegħa tal-ħwienet ewlenin lokali se jibqa’ fis-seħħ sa mill-inqas il-baġit li jmiss, li jrid jiġi ppreżentat madwar xahrejn oħra.