Filwaqt li f’pajjiżi oħra madwar l-Ewropa qed ikun hemm żidiet sostanzjali fl-għoli tal-ħajja minħabba l-kriżi tal-enerġija kkawżata mill-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, f’Malta l-istabbiltà li nżammet fil-prezzijiet tal-ilma, tad-dawl, u tal-fjuwil b’riżultat tal-miżuri li ħa l-Gvern wasslu għal realtà differenti.
Dan tikkonfermah l-aħħar statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li nnutat ukoll li x-xahar li għadda r-rata annwali tal-inflazzjoni żdiedet b’zero punt sitta fil-mija: minn 6.21 fil-mija f’Ġunju li għadda għal 6.82 fil-mija f’Lulju li għadda. Iż-żieda fl-inflazzjoni f’Malta baqgħet minima minkejja l-pressjonijiet internazzjonali kbar li, f’pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea, qed twassal biex il-ħajja togħla ferm u ferm aktar.
L-akbar li kellhom effett fuq din iż-żieda minima fl-inflazzjoni kienu l-prezzijiet fil-qasam tal-ikel, li jinkludi wkoll is-servizzi fir-ristoranti u t-take aways, filwaqt li l-akbar tnaqqis fil-prezzijiet ġie rreġistrat fl-ilbies u ż-żraben.