Statistika maħruġa mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, uriet kif ir-rata annwali tal-inflazzjoni f’Jannar f’pajjiżna kienet ta’ 1.8 fil-mija.
Dan bil-maqlub ta’ dak li seħħ fil-maġġoranza tal-Ewropa fejn l-għoli tal-ħajja żdied. Fil-fatt ir-rata medja taż-Żona Ewro kienet ta’ 2.5%, b’żieda fuq ix-xahar ta’ qabel, waqt li l-medja tas-sebgħa u għoxrin pajjiż membru kienet ta’ 2.8%.
L-inqas rati annwali rreġistrati, flimkien ma’ dik ta’ Malta, kien hemm id-Danimarka, b’wieħed punt erbgħa fil-mija, waqt li l-Irlanda, l-Italja u l-Finlandja lkoll irreġistraw rata ta’ wieħed punt sebgħa fil-mija.
L-ogħla rati ġew irreġistrati fl-Ungerija, ir-Rumanija u l-Kroazja b’rati li jaqbżu l-5%.
Imqabbla ma’ Diċembru li għadda, l-inflazzjoni annwali naqset fi tmin stati membri, baqgħet stabbli f’erbgħa u żdiedet fi ħmistax oħra.