Ir-rata ta’ inflazzjoni għax-xahar li għadda niżlet bi kważi nofs perċentwal meta mqabbel ma’ xahar qabel.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li r-rata ta’ inflazzjoni mkejla għal Jannar kienet ta’ 3.2%, jiġifieri 0.4% inqas minn dik f’Diċembru.
Il-prodotti tal-ikel baqgħu l-aktar li raw inflazzjoni f’Jannar, ix-xahar eżatt qabel daħlet fis-seħħ l-iskema ta’ Stabbiltà fil-prezzijiet ta’ aktar minn 400 prodott essenzjali tal-ikel.
L-aktar servizzi li raw tnaqqis fl-inflazzjoni matul Jannar kienu dawk tat-trasport u l-komunikazzjoni.
Skont l-esperti ekonomiċi fosthom tal-Kummissjoni Ewropea iżda mhux biss, l-inflazzjoni mistennija tkompli timmodera.
Fil-fatt hu stmat li r-rata ta’ inflazzjoni tinżel taħt it-3% is-sena d-dieħla u ta’ wara, li jfisser li kif inhi r-rata ta’ inflazzjoni fl-aħħar xahar imkejla hi biss 0.3% ’il bogħod.
Il-Kummissjoni Ewropea kienet innutat ukoll l-intervent tal-Gvern biex żamm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija għall-familji u n-negozji.
Dan mhux biss bis-sussidju fil-kontijiet tal-enerġija iżda anki fil-prezzijiet tal-fjuwil fejn dawn baqgħu stabbli u ma għolewx sa minn Ġunju ta’ erba’ snin ilu.