It-Tnejn filgħodu, fil-Parlament Malti ġew diskussi l-estimi finanzjarji tal-Baġit għas-sena d-dieħla, din id-darba marbutin mal-Ministeru għat-Turiżmu, fejn il-Ministru Clayton Bartolo spjega kif, sa Settembru li għadda, kien diġà nqabeż l-infieq mit-turisti għall-2019 kollha kemm hi, l-aħħar sena rekord.
Waqt li enfasizza kif l-industrija tat-turiżmu llum hi fost il-pilastri ewlenin tal-ekonomija lokali, il-Ministru spjega li, xahar wara l-ieħor, pajjiżna baqa’ jirreġistra r-rekords.
Semma kif, sal-aħħar ta’ Settembru, iċ-ċifri uffiċjali juru li ġew rekord ta’ żewġ miljuni u tliet mitt elf turist.
Qal, “Sal-aħħar ta’ Settembru diġà jidher biċ-ċar li, meta wieħed iqabbel l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena mal-ewwel disa’ xhur tal-2019, l-istess sena li kienet meqjusa rekord għat-turiżmu, diġà ġew f’pajjiżna mal-mija u ħamsin elf turist iżjed fl-istess perjodu ta’ żmien.”
Hu qal wkoll li kien hemm żieda fl-iljieli li qattgħu t-turisti f’pajjiżna, waqt li n-nefqa tagħhom sa Settembru kienet qabżet iż-żewġ biljuni u mitt miljun ewro.
Minbarra hekk, il-Ministru spjega li, meta joħorġu ċ-ċifri sal-aħħar ta’ Ottubru, se tkun inqabżet in-nefqa li kienet saret fl-2019 f’sena sħiħa. Dan ifisser li pajjiżna rnexxielu jattira mhux biss iżjed turisti, imma wkoll turisti li jonfqu aktar flus.
Hu qal li, minkejja l-ħafna sfidi internazzjonali li jeżistu, l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu fil-Ġnus Magħquda, il-UNWTO, tat lil pajjiżna l-aqwa ċertifikat fejn poġġietna bħala l-‘Best Performance Mediterranean Destination’.
Il-Ministru Bartolo qal li għandu jinbena mudell turistiku sal-2030 ibbażat fuq il-kwalità, l-awtentiċità u s-sostenibilità.
Waqt li semma l-ħidma sfieqa li qed tagħmel l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, biex tkompli tkabbar u tkattar il-konnettività minn u lejn pajjiżna, semma li bħalissa għaddejjin taħditiet biex pajjiżna jkollu titjiriet diretti mal-Istati Uniti.
Qal li rridu naħdmu biex ikollna aktar Amerikani li jagħżlu lil Malta bħala l-post fejn iqattgħu il-btala tagħhom, fl-istess ħin li se jibqa’ jsir kull investiment meħtieġ ħalli r-rotot, li huma stabbiliti diġà f’Malta, ikomplu jissaħħu.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Laburista Ray Abela tkellem dwar il-ħidma u l-impenn li qed isir mill-Gvern fil-qasam turistiku f’pajjiżna, li qal li hu wieħed mill-muturi ewlenin fil-ħolqien tal-ġid.
Fost oħrajn, semma n-niċċa tal-films, li qed tħalli l-frott ukoll f’Malta, u qal li din jeħtieġ tkompli tikber ħalli jkompli jitkattar il-ġid.
Qal, “U li jiena nemmen f’dan il-qasam u jattira aktar interess. Bħalma diġà qed jattira b’buster movies kbar – Ridley Scott u Russell Crowe – dawn huma l-opportunitajiet li rridu nkomplu ninvestu fihom għal pajjiżna.”