Intlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN biex dawk li jagħtu l-ewwel għajnuna fosthom l-infermiera tal-ambulanzi jkunu koperti b’assigurazzjoni mħallsa mill-Gvern f’każ ta’ korriment jew mewt.
Ma’ ONE NEWS, il-President tal-MUMN Pawlu Pace qal li l-unjin hija sodisfatta b’dan il-ftehim li jsegwi ieħor li kien laħaq il-Gvern ma’ dawk li jaħdmu mal-korpi dixxiplinati fosthom tal-Protezzjoni Ċivili u l-pulizija.
“In-nurses tal-ambulanzi kif ukoll anki dawk li joħorġu bl-ambulanza min-naħa tal-health centres, kif ukoll li jaħdmu fil-qasam mentali ġew meqjusa bħala li hawn hekk ngħidulu high risk u ħa jibdew igawdu issa minn insurance, ngħidulha occupational insurance fejn f’każ ta’ mewt jew ġrieħi li jħallulek diżabilità permanenti jkunu jgawdu minn insurance.”
Lejlet laqgħa li fiha ntlaħaq il-ftehim, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tkellem fil-programm Pjazza fejn wera rieda dwar dan il-ftehim mal-MUMN.
“Naħseb illi l-istaff tagħna għandu jkollu moħħu mistrieħ illi jekk allaħares qatt inqala’ inċidenti bħal dawn, il-Gvern mhux se jabbandunahom, mhux se jabbanduna l-istaff tiegħu f’dan il-mument li huwa, u jiena nifhimha, nifhem li l-unjin qed tagħmel din it-talba.”
Ma’ ONE News, Pace saħaq li f’dan il-ftehim hemm ukoll inklużi l-infermiera tal-isptar Monte Karmeli li wkoll jaffaċċjaw ċertu riskji meta jaħdmu ma’ pazjenti li jistgħu jkunu aggressivi minħabba l-kundizzjoni medika tagħhom.
Qal li għal kuntrarju dak li kien jiġri qabel, issa bl-assigurazzjoni li se jagħmel tajjeb għaliha l-Gvern, dawk li sfortunatament iweġġgħu ma jkollhomx bżonn jitilgħu quddiem tribunal biex jirċievu kumpens.
“Li jkorru korrimenti gravi jiġifieri jħallu ċertu diżabilità awtomatikament tiskatta din l-insurance mingħajr ma jkollhom bżonn imorru tribunal u jieħdu skont id-diżabilità li jkollhom il-ħlas dovut lilhom.”