F’esperjenza xejn feliċi li tiġi fuqek ħabta u sabta meta tieħu l-aħbar li għandek kanċer, il-vjaġġ ta’ testijiet u żjarat l-isptar ikun bla waqfien.
B’dan f’moħħha, Danika Marmarà, id-direttur tal-Cancer Care Pathways f’Malta, riedet tnissel raġġ ta’ tama f’dawk in-nies li jkunu għaddejjin minn dan kollu fl-isptarijiet ta’ Malta.
B’hekk, fl-aħħar snin ġew introdotti infermiera li jissejħu nurse navigators, li jiggwidaw lill-pazjent f’dak kollu li jkollu bżonn, lil hinn mill-kura medika.
Dan is-servizz ġie rikonoxxut mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, li nnutat kif din il-kura hija personalizzata u tpoġġi lill-pazjent fiċ-ċentru; xi ħaġa li ħafna jitkellmu fuqha imma rari ssir.
Danika Marmarà, il-moħħ wara dan is-servizz tkellmet ma’ ONE News dwar il-ħidma tagħha fil-kura tal-kanċer, li tmur lura diversi snin.
Wara li temmet l-istudji tagħha fir-Renju Unit, ġiet lura Malta b’viżjoni; li fejn hemm it-tbatija, hemm it-tama.
Kienet ċara li l-pazjenti kellhom bżonn li s-sistema tas-saħħa jkollha wiċċ uman, li jista’ jwieġeb għal kull mistoqsija li pazjent imbeżża’ jkun irid jistaqsi.
Qalet, “Il-pazjenti meta bdejt nimxi magħhom il-journey kollu, bdew jgħiduli li jħossuhom waħedhom, li l-kuntatt li għandhom huwa mat-tabib u biex isibuh ġieli jkun diffiċli, jiltaqgħu ma’ għoxrin pazjent differenti mid-dijanjożi sa meta jkollhom it-trattament u anka wara, jiġifieri tant hemm professjonisti li jiltaqgħu magħhom, sptarijiet differenti. Li jgħidulna l-pazjenti li ġieli jieqfu jisimgħu, allura b’dan il-kunċett f’moħħi u li bdejt nara x’qed jagħmlu pajjiżi oħrajn eżempju r-Renju Unit kellhom nurses speċjalizzati li jagħtu sapport imma jien ridt xi ħaġa iktar.”
Danika spjegat l-irwol ewlieni tan-nurse navigators.
Qalet, “Allura ħloqt dan il-kunċett ta’ navigation li meta tgħid tinnaviga l-pazjent litteralment mhux biss tara x’għandu bżonn bħala informazzjoni imma li tkun il-punt ta’ riferiment għalih u għall-familja tiegħu, kapaċi li jsemma’ l-vuċi tal-pazjent waqt li qed jiddiskutu l-każ u l-ħin ta’ stennija dawn jippruvaw inaqqsuh kemm jista’ jkun ħalli jaraw li minn appuntament għal ieħor ma naħlux il-ħin u anka jipprovdu koordinazzjoni u kontinwità ta’ kura. Anka meta pazjent ilesti t-trattament naraw li nsegwuh tul ħafna snin anka ħames snin jekk hemm bżonn.”
Dan is-servizz qed jinfirex ma’ tipi differenti ta’ kanċer, hekk kif beda għall-pazjenti b’kanċer fil-musrana u issa s-servizz qed jingħata lil dawk morda b’kanċer fil-pulmun, fil-prostatà, fil-kliewi u fis-sider.
Danika qalet li b’dan is-servizz, l-ammont ta’ nies li jmorru l-emerġenza bil-problemi u l-mistoqsijiet naqas drastikament.
Qalet, “Għamilt ħafna telephone interviews u surveys nazzjonali biex nara kull pazjent kemm mar b’vantaġġ il-fatt li għandu navigator. Ħafna drabi jgħidulek over 90% jgħidulek li huma sodisfatti ħafna jiġifieri meta tħares lejn dawn in-numri kbar ta’ nies sodisfatti tieħu pjaċir li qed tagħmel xi differeza fil-ħajja tagħhom.”