Illum mit-tmienja ta’ filgħodu l-infermiera Brittaniċi fi ħdan l-NHS se jkunu għaddejjin b’azzjoni ta’ strike, fl-akbar azzjoni industrijali fl-istorja tal-NHS.
Dan wara li l-unjin tal-infermiera, The Royal College Nursing, qalu li huma spiċċaw mingħajr ebda għażla ħlief li joħorġu fuq strike, wara li l-gvern Brittaniku rriffjuta li jerġa’ jibda jiddiskuti ż-żidiet fil-pagi tal-ħaddiema.
Il-gvern Brittaniku kien qal li d-dsatax fil-mija żieda fil-paga tal-infermiera li pproponiet l-istess unjin m’hijiex affordabbli.
Dan ifisser li l-infermiera madwar ir-Renju Unit, ħlief l-Iskozja mhux se jkunu qed jidħlu għax-xogħol għal tnax-il siegħa.
Huma se jkunu qed jaħdmu biss sabiex jiggarantixxu li l-kura essenzjali tkun qed tingħata lill-pazjenti.
Infermiera li tkellmu mas-sit BBC qalu li huma xebgħu mis-sitwazzjoni tagħhom hekk kif il-pagi m’humiex jirriflettu l-ħidma tagħhom. Stqarru li l-gvern ħallihom mingħajr għażla oħra u m’humiex jisimgħuhom.