L-industriji lokali bejn April u Ġunju li għadda esperjenzaw żieda fid-dħul tagħhom ta’ aktar minn ħdax fil-mija meta aġġustat bil-jiem tax-xogħol u mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet. Bl-aġġustamenti għall-effetti tal-istaġun, id-dħul żdied ukoll fuq l-ewwel tliet xhur tal-2024.
Fil-fatt ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, urew li fit-tieni kwart ta’ din is-sena, il-fatturat industrijali żdied bi 3.4 fil-mija fuq it-tliet xhur taʼ qabel u bi 11.5 fil-mija meta mqabbel ma’ April u Ġunju tal-2023.
Waqt li ġew irreġistrati żidiet fil-gruppi industrijali kollha, l-ogħla waħda kienet fl-oġġetti tal-konsum b’6.2 fil-mija u l-oġġetti kapitali b’6.1 fil-mija fuq it-tliet xhur ta’ qabel. Imqabbel mal-istess tliet xhur tal-2023, l-istess oqsma żiedu d-dħul bi 22.6 fil-mija u 19.5 fil-mija rispettivament.
L-għadd tal-impjiegi industrijali, imqabbel mal-perjodu ta’ Jannar-Marzu, żdied ukoll bi ftit inqas minn wieħed fil-mija, waqt li s-sigħat maħdumin telgħu bʼ1.4 fil-mija.
Imqabbel mat-tieni kwart tal-2023, kien hemm żieda taʼ 1.5 fil-mija fl-impjiegi, tnaqqis ta’ 0.9 fil-mija fis-sigħat aġġustati bil-jiem tax-xogħol u żieda ta’ 4.2 fil-mija fil-pagi u s-salarji gross.