Fil-ġimgħat li ġejjin mistenni l-aħħar abbozz tal-istrateġija nazzjonali għall-ambjent u jidher li l-industrija qed tilqa’ sew dak li qed jagħmel il-Gvern anki b’rabta mat-tħaddim ta’ ekonomija ċirkulari.
Il-Kap Eżekuttiv tal-grupp Farsons, Norman Aquilina kiteb fuq it-Times kif il-Gvern huwa determinat u ta sinjali li minflok juża l-proċess ta’ landfilling biex jeħles mill-iskart, imur għal sistema ta’ ekonomija ċirkulari.
“Filwaqt li l-immaniġjar tal-iskart jibqa’ sfida, finalment issa għandna pjan ħolistiku li jeħtieġ impenn politiku”, saħaq il-Kap eżekuttiv ta’ Farsons.
Permezz tal-pjan t’ekonomija ċirkolari, pajjiżna se jkollu anki impjant li bih jiġġenera l-enerġija mill-iskart.
Qal li l-użu tal-plastik u metall ieħor imur lil hinn mill-industrija tal-produzzjoni tax-xorb.
Hawnhekk semma l-iskema ta’ rifużjoni fuq il-fliexken u bottijiet tal-plastik fost oħrajn.
F’dan il-kuntest, Aquilina semma li l-istrateġija nazzjonali għall-ambjent hekk kif imħabbra mill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia hija pass li jistħoqlu tifħir.
Kważi xahar ilu l-Gvern preżenta żewġ dokumenti dwar il-proċess ta’ reviżjoni magħruf bħala SPED li huwa l-qafas tal-ippjanar f’pajjiżna u ħejja dokument għall-istrateġija nazzjonali għall-ambjent għat-tletin sena li ġejjin.
Il-Ministru Aaron Farrugia stqarr li dawn id-dokumenti jagħtu ħarsa lejn il-futur li rridu naslu għalih.