Statistika uffiċjali tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika nnutat li s-sena l-oħra kien hemm żieda ta’ kważi 3% fil-valur miżjud gross fl-industrija tal-kostruzzjoni.
Dan meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
B’reazzjoni għal dawn ir-riżultati, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA qalet li din l-istatistika tinnota r-reżiljenza fl-industrija tal-kostruzzjoni f’Malta fi żmien pandemija.
L-MDA qalet li l-kostruzzjoni qed tfisser li hija settur b’saħħtu fl-ekonomija Maltija u tqalla’ l-ħobża ta’ kuljum lil 50,000 ħaddiem.
Matul ix-xahar li għadda kompliet ix-xejra pożittiva u b’saħħitha fil-bejgħ tal-proprjetà hekk kif kien hemm żieda ta’ 27% fil-bejgħ waqt pandemija.
Fl-ewwel xahar tas-sena, ġew irreġistrati 1,157 konvenju għall-bejgħ ta’ propjetà.
Il-valur kien ta’ €274 miljun ewro.
L-MDA kienet qalet li dan huwa rekord ġdid għall-bejgħ tal-propjetà.
Dan għaliex meta mqabbel ma’ Jannar ta’ sentejn ilu kien hemm żieda ta’ 174 konvenju u żieda wkoll ta’ €59 miljun ewro fuq il-valur tal-proprjetà mibjugħa.