“Pajjiżna huwa interessat li jattratta kumpaniji serji fis-settur tal-qasam mediċinali hekk kif din l-industrija mistennija tikber għal madwar biljun ewro fuq medda ta’ tliet snin.”
Hekk saħaq il-Prim Ministru Joseph Muscat, fl-indirizz tiegħu fl-ewwel ġurnata tal-Forum Dinji ‘MedCann’ dwar il-kannabis mediċinali.
Dan il-Forum li beda t-Tlieta u se jispiċċa l-Ħamis ġab lejn pajjiżna elf u sitt mitt persuna apposta biex jitkellmu dwar ix-xogħol f’dan il-qasam u kif jistgħu jikkontribwixxu għas-suq Malti.
Il-Prim Ministru spjega kif f’pajjiżna diġa hawn erbgħa u għoxrin kumpanija li għaddejjin bil-proċess sabiex jibdew joperaw minn pajjiżna. Dan filwaqt li l-esportazzjoni tal-prodotti manifatturati f’pajjiżna mistennija tibda sa mis-sena d-dieħla.
Dr. Muscat stqarr li pajjiżna, kif għamel anke f’setturi oħra, kien minn tal-ewwel li ħoloq qafas regolatorju fis-settur. Dan għaliex huwa stqarr li kumpaniji serji ifittxu dan il-qafas li jirregola s-settur.
Saħaq ukoll kif l-kriterji li kumpanija trid tilħaq sabiex tkun irreġistrata f’pajjiżna huma stretti ħafna. Dan sabiex l-operat li jinġieb f’pajjiżna ikun wieħed ta’ livell għoli u serju.
Saħaq kif għal kumpaniji li jersqu lejn pajjiżna din hija pożittiva ħafna hekk kif dawn r-rekwiżiti stretti iwasslu għall-reputazzjoni tajba ta’ pajjiżna f’dan is-settur.
Dan ikkonfermah il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia li stqarr kif il-gvern u awtoritajiet tiegħu f’pajjiżna qed jagħtu forma lil din in-niċċa ġdida f’pajjiżna.
“Meta qed nitkellmu mal-investituri qed ngħidulhom ‘tridu tilħqu ċertu ‘standards’, tridu tilħqu ċertu ‘security standards’ li jeżistu fis-settur u li qed nimponu aħna bħala pajjiż. Allura mhux inmorru hemm barra ngħidulhom kulħadd jista’ jagħmel li jrid. Għandna regolamentazzjoni ċara u trasparenti u dik hija l-iktar ħaġa importanti li il-kumpaniji tal-‘medical cannabis’ qed iħarsu lejn Malta.”
Intant fl-istess konferenza tkellem il-Ministru għall-ekonomija, investiment u intrapriżi żgħar, Chris Cardona li stqarr kif pajjiżna qed inaqqax ismu bħala ċentru ta’ eċċellenza fil-manifattura tal-kannabis għall-użu mediku.
Indirizza l-konferenza wkoll is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista li aċċenna dwar il-bżonn t’aktar riċerka ħalli din l-industrija tissaħħaħ.