Gruppi fil-qasam tal-ivvjaġġar fir-Renju Unit appellaw lill-Gvern biex fir-reviżjoni li jmiss tal-miżuri tal-Covid, jitneħħew ir-restrizzjonijiet li baqa’ fis-seħħ li jaffettwaw lill-passiġġieri.
Iċ-ċifri sal-ġimgħa l-oħra juru li wieħed minn kull ħamsa u għoxrin persuna fl-Ingilterra kellu l-virus u allura l-linji tal-ajru qed jargumentaw li l-ittestjar fuq il-passiġġieri ma jkollux effett.
Bħalissa kull min jivvjaġġa lejn ir-Renju Unit irid jippreżenta test negattiv mal-wasla tiegħu fil-pajjiż u jagħmel test ieħor fl-ewwel jumejn u joqgħod f’iżolament sakemm joħroġlu riżultat negattiv.
L-industrija tal-ivvjaġġar qalet li dawn il-miżuri b’rabta mal-ittestjar qed iżommu lura l-irkupru fis-settur.
L-aġenzija tal-aħbarijiet, BBC irrappurtat li l-Gvern qed jiddiskuti t-tneħħija ta’ ċertu restrizzjonijiet filwaqt li mhux mistennija jitħabbru aktar miżuri fl-Ingilterra.