Għal sena oħra, Malta bir-reġistru 9H tibqa’ l-ġurisdizzjoni tal-għażla fl-industrija tal-avjazzjoni.
Kien dan is-sentiment ewlieni waqt Expo u konferenza f’Ġinevra li fiha ltaqgħu d-ditti u l-operaturi kollha, ġew eżebiti l-aqwa avvanzi teknoloġiċi u ġew diskussi temi b’ħarsa lejn il-futur tal-industrija.
Ta’ min ifakkar kif l-industrija tal-avjazzjoni tiġġenera mas-sitt mitt miljun ewro fis-sena fl-ekonomija Maltija, filwaqt li tħaddem eluf ta’ persuni u hija responsabbli mit-trasport ta’ miljuni ta’ passiġġieri.
Bħala r-regolatur, Transport Malta, permezz tad-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili, kienet preżenti flimkien mal-Ministru għat-Trasport Aaron Farrugia.
Il-Ministru spjega kif permezz tar-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town, Malta hija waħda mill-atturi ewlenin ta’ din l-industrija.
Hawnhekk il-ħidma ma taqta’ xejn qed tkompli tħalli l-frott hekk kif wara li l-Gvern ħabbar l-ewwel politika tiegħu għall-avjazzjoni ċivili, bdiet ħidma biex jiġi aġġornat l-Att dwar in-Navigazzjoni tal-Ajru.
Fl-aħħar jiem dan ġie ppreżentat fil-parlament u mistenni jaġġorna u jneħħi referenzi qodma u jippermetti wkoll li bidliet tant meħtieġa jiġu implimentati b’mod aktar spedit.
“Qed nippromwovu ir-reġistru Malti 9H biex b’hekk inkomplu nżidu mal-investiment kbir li diġà ġie f’Malta fl-aħħar snin u fuq kollox inżidu mal-fuq minn 800 ajruplan reġistrat f’pajjiżna u ‘l fuq minn 40 AOC illi għandna diġà. Dan biex inkomplu nġibu impjiegi ta’ kwalità u fuq kollox investiment li jiddevirsifika l-industrija u l-ekonomija Maltija.”
F’Ġinevra, l-Ministru Farrugia ltaqa’ ma’ diversi operaturi u imsieħba fl-industrija tal-avjazzjoni.
Tul din il-fiera, huwa indirizza s-“Sustainability Summit”, fejn saħaq kif pajjiżna laħaq tragward b’saħħtu ta’ 205 reġistrazzjoni ta’ ajruplani f’sena waħda biss u sebgħa u erbgħin ċertifikat tal-operaturi tal-ajru.