Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg indirizza l-Malta Aviation Conference and Expo mtella’ fl-Excelsior, il-Furjana.
Il-Ministru Borg tkellem dwar din l-konferenza bħala waħda li ser tagħti opportunità lill-partijiet interessati fl-avjazzjoni biex jipparteċipaw fi djalogu produttiv, għal benefiċċju ta’ aktar kollaborazzjoni, tkabbir u suċċess.
“Il-Gvern ta’ Malta lest jitkellem mar-rappreżentanti tal-industrija li lesti jaħdmu id f’id magħna sabiex is-setturi differenti jkomplu jgħixu s-suċċess, u dan mhux b’inqas għas-settur tal-avjazzjoni. Il-mira tagħna hija li pajjiżna jsir ċentru tal-avjazzjoni imma biex naslu hawn irridu nibqgħu fuq quddiem fejn jidħlu żviluppi – sfidi u opportunitajiet – li din l-industrija qed taffaċċja,” qal il-Ministru Borg.
Huwa spjega kif il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali flimkien mad-Diretttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta kienu ħadu stampa tal-industrija ftit ta’ snin ilu bil-ħsieb li jikkonsolidaw dak li diġà kien qed jaħdem sew imma b’mod partikolari biex jiġu esplorati niċeċ ġodda filwaqt li tkompli tissaħħaħ il-ħidma tar-regolatur.
“Illum dan l-eżerċizzju diġà qed iħalli r-riżultati b’titjib fil-konnessjonijiet, b’numri akbar fl-ammont ta’ ajruplani rreġistrati f’Malta kif ukoll f’dawk li huma Air Opertaor Certificates. Qed naraw ukoll tkabbir fin-numru tal-kumpaniji lokali u barranin li qed joperaw f’Malta bin-numru ta’ servizzi fl-industrija tal-avjazzjoni jara tkabbir ukoll – jekk hux inġinerija, finanzi u servizzi legali. Is-setturi tal-manutenzjoni u tiswija wkoll qed jikbru b’rata mgħaġġla li qed iwassal għall-aktar investiment f’faċilitajiet għall-industrija u b’hekk tkabbir anke fl-impjiegi. Il-futur huwa pożittiv għal din l-industrija – il-kontribuzzjoni għall-impjiegi u għall-Prodott Gross Domestiku ta’ pajjiżna jista’ biss jiżdied bin-niċeċ ġodda bħal dik tal-kiri tal-ajuplani li l-Ministeru u Transport Malta ser ikunu qed jaħdmu fuqha,” għalaq il-Ministru Borg.