Meta kien qed jindirizza lill-aktar minn 3,500 persuna li attendew għad-Delta Summit, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri spjega l-vjaġġ li bdiet Malta sena ilu sakemm waslet għal fejn hi qegħda llum, jiġifieri bi tliet liġijiet li joffru ċertezza legali lil dawk li joperaw fis-settur tal-Blockchain.
“Kien ċar li l-industrija kienet qed titlob għal regolamentazzjoni sensibli li tagħti suq integru, protezzjoni lill-konsumatur u stabilità finanzjarja mingħajr ma toħnoq l-innovazzjoni. Dan hu dak li tat Malta “ qal Schembri.
Schembri spjega li t-tliet Atti waqqfu l-ewwel regolatur fid-dinja għal dan is-settur, l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali li l-operat tagħha beda mill-lum, l-Att dwar Arranġamenti Teknoloġiċi u Servizzi u l-Att dwar l-Assi Finanzjarji Virtwali.
“It-triq għall-diġitalizzazzjoni diġa bdiet għal bosta organizzazzjonijiet, awtoritajiet u istituzzjonijiet madwar id-dinja li qed jaraw modi dwar kif jinkorporaw dawn it-teknoloġiji ġodda. Bħala pajjiż rajna li ninkorporaw dawn it-teknoloġiji ġodda fl-ekosistema tagħna u dan bħala parti mill-mira tagħna li naghmlu minn Malta ċentru għall-innovazzjoni ekonomika” temm jgħid Silvio Schembri.