Fl-Indja qed tiddomina mewġa oħra ta’ infezzjonijiet ta’ Covid-19, speċjalment fil-kapitali Delhi u belt kbira oħra Mumbai.
Tul il-jum tal-Erbgħa, l-Indja rreġistrat aktar minn tmienja u ħamsin elf każ f’ġurnata; ċifra li żdiedet b’sitt darbiet f’ġimgħa frott l-effett tal-varjant il-ġdid, Omicron.
Terz ta’ dawn l-infezzjonijiet ġew irreġistrati f’Delhi u Mumbai. Iż-żewġt ibliet reġgħu ntroduċew miżuri biex jikkontrollaw l-imxija, fosthom anki ħin li fih ħadd ma jista’ joħroġ minn daru.
Ingħad li din iż-żieda fl-infezzjonijiet għandha sservi ta’ tfakkira fit-tieni mewġa devastanti f’dan il-pajjiż f’April u Mejju li għadda, meta kuljum kienu qed jiġu rreġistrati mal-erba’ mitt elf każ.