L-Indja qed tkun il-lok li jagħti tama ġdida lil diversi koppji li jridu jkunu ġenituri prospettivi u li biex jagħmlu dan daru fuq l-addozzjoni.
Wara perjodi diffiċli ħafna fil-qasam tal-addozzjoni internazzjonali għall-Maltin, tant li s-sena li għaddiet kien hemm biss sitt każi ta’ addozzjoni, jidher li dan il-pajjiż ta tamiet ġodda. L-addozzjoni mill-Indja infetħet riċentament bl-aħbar intlaqgħet tajjeb wara li fl-aħħar snin kien hemm xi pajjiżi, bħall-Kambodja, li ngħalqu.
Tagħrif li ngħata fil-Parlament fl-aħħar jiem jgħid li bħalissa hemm numru ta’ tfal minn pajjiżi barranin li ġew imqabbla ma’ koppji Maltin, u għaldaqstant qegħdin fil-proċess li jiġu addottati minn ġenituri prospettivi minn pajjiżna.
Dawn jinkludu 15-il addozzjoni mill-Indja, żewġ addozzjonijiet mill-Portugall, ħames addozzjonijiet mis-Slovakkja u addozzjoni waħda mir-Russja.
Il-proċess tal-addozzjoni huwa wieħed twil fejn l-ewwel ma jsir hu li jkun hemm laqgħat mal-ġenituri prospettivi u jkun spjegat lilhom il-proċess kif se jkun. Minn hemm ikollhom taħriġ ta’ sitta jew seba’ sessjonijiet fejn ikunu preparati għal dak li għandhom jistennew meta jaddottaw tifel jew tifla.
Ir-raġuni hija li meta wieħed jaddotta jkun qed jaddotta tfal li diġà jkollhom storja warajhom. Għax dan mhux bħal meta wieħed ikollu wild ta’ tarbija. Il-ġenituri jridu jifhmu dak l-isfond u jgħinu lit-tifel jew lit-tifla jaddatta għall-familja.
Wara dak il-kors ikun hemm ħaddiema mill-qasam soċjali li jduru fid-dar tal-ġenituri prospettivi u jiċċekkjaw li l-ambjent huwa wieħed addattat biex jitrabba jew titrabba fih. Hemm isiru diversi rapporti sakemm l-istess ħaddiema soċjali jmorru quddiem il-bord tal-addozzjoni biex il-ġenituri jiġu approvati.
Minn hemmhekk ikunu jistgħu japplikaw għall-pajjiż li huma jixtiequ.
Tensjoni sakemm jasal il-ferħ
Tkellimna ma’ Desiree Spiteri, li permezz tal-Aġenzija Adoption Opportunities tiltaqa’ ta’ sikwit ma’ ġenituri li jkunu qed ifittxu li jaddottaw.
Titkellem dwar kif il-ġenituri li jkunu waslu għal dan il-proċess jagħmlu dan wara ħafna ħsieb u hemm ħafna raġunijiet għalfejn wieħed jaddotta anke jekk, kif mistenni, dan mhux proċess mingħajr diffikultajiet.
“Il-beżgħat tagħhom huma marbuta l-iktar ma’ kemm il-proċess se jkun twil għax kulħadd ikun irid ikollu dik il-familja. L-aspett finanzjarju wkoll huwa ta’ ħsieb bil-ġenituri jkunu jridu jgħażlu dak il-pajjiż li finanzjarjament jifilħu għalih,” tgħid Spiteri.
Dan ikun ukoll vjaġġ emozzjonali bil-familji saħansitra jaħsbu jekk “it-tifel jew tifla hux se jkunu aċċettati mill-familja tagħhom stess jew mit-tfal tagħhom stess jekk ikollhom tfal diġà.”
Spiteri, li tispjega kif l-irwol tal-aġenzija hi li tgħin f’dak kollu li jkun għaddej, tirrimarka kif esperjenza ta’ pajjiż mhix bħal ta’ ieħor. “Kull pajjiż jaħdem differenti, imma l-maġġoranza jkollhom informazzjoni fuq dak it-tifel jew tifla li għandu jkun addottat. Anke t-talbiet tal-pajjiż huma differenti, hemm min jitla’ darba u hemm min darbtejn. Però jiltaqgħu mat-tifel fil-pajjiż oriġinali,” tfisser Spiteri li tirrimarka kif imbagħad hemm proċess sħiħ ta’ ħruġ ta’ visa u passaporti fost oħrajn.
Spiteri tispjega kif anke jekk għat-tfal din hija bidla għall-aħjar
xorta waħda kapaċi toffri sfida kbira. “Għax fl-istitut is-soru kienet l-omm,” tfisser Spiteri li żżid li t-tfal ikollhom fihom biża’ li jistgħu jiġu abbandunati kif kienu qabel.
“Sakemm jissetiljaw dejjem se kollhom bżonn l-għajnuna. Hija rari ħafna li ma jkollhomx bżonn għajnuna, ” tgħid Desire Spiteri li permezz tal-aġenzija tagħha tgħin persuni jaddottaw minn diversi pajjiżi.