Settembru ta’ din is-sena jidher li se jkun aqwa minn Awwissu għas-settur turistiku f’pajjiżna.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo spjega ma’ dan l-istazzjon kif is-soltu, Awwissu jkun l-aqwa xahar turistiku għal Malta u f’Settembru jibdew jonqsu dawk li jżuru pajjiżna, imma din is-sena, in-numri juru li x-xahar li ninsabu fih saħansitra huwa aqwa minn dak li għadda.
Il-Ministru Bartolo stqarr: “Meta mqabbel ma’ snin oħra, anki qabel il-pandemija, Settembru kien ikun xahar li fih it-turiżmu kien jibda jonqos. Did-darba qegħdin naraw biċ-ċar kif in-numri jidher li ħa jkunu aħjar minn dawk t’Awwissu allura dan jorbot tajjeb mal-pjan ta’ rkupru li bħala parti minnu kellu wkoll l-importanza tal-konnettività lejn pajjiżna.”
Fil-fatt, fl-eqqel tal-pandemija, il-Gvern ħadem mill-qrib ma’ dawk kollha fis-settur turistiku, inkluż il-mitjar Malti u diversi linji tal-ajru biex jassigura konnettività b’saħħitha minn u lejn Malta.
Statistika tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, uriet kif pajjiżna kien il-ħames l-inqas fl-Unjoni Ewropea li naqqas titjiriet kummerċjali f’pandemija.
L-istatistika qabblet it-titjiriet li saru f’Awwissu ta’ din is-sena m’Awwissu tas-sena ta’ qabel il-pandemija; jiġifieri l-elfejn u dsatax.
Il-Finlandja kien l-aktar pajjiż li naqqas titjiriet filwaqt li l-Greċja, li simili għal Malta huwa pajjiż magħmul minn ħafna gżejjer li jiddependu ħafna fuq it-turiżmu, huwa l-inqas pajjiż li ħa azzjoni f’dan ir-rigward.