Il-ġurnal ‘The Malta Independent innota l-kriżi ta’ identità li għandu fi ħdanu l-Partit Nazzjonalista u l-ideat vagi li qed joħroġ bihom il-Viċi Kap il-ġdid Alex Perici Calascione.
Dan permezz ta’ editorjal fejn ngħatat ħarsa lura għas-snin riċenti tal-PN, li minkejja d-diffikultajiet kbar li sab, baqa’ qatt ma sab soluzzjoni għalihom.
L-editur tal-Independent sostna kif filwaqt li l-ġlied u l-mibgħeda baqgħu problema kontinwa fil-Partit Nazzjonalista, hemm problema filosofika u li tikkonċerna l-kriżi ta’ identità tal-Partit f’Tal Pietà.
Hawn jiġi sostnut kif il-motto ewlieni tal-Partit Nazzjonalista ‘religio et patria’, m’għadux jagħmel sens għas-soċjetà li qed ngħixu fiha llum.
Fil-fatt, l-editur ikompli jipponta lejn din il-problema ta’ tiġdid li għandu fi ħdanu l-Partit Nazzjonalista hekk kif tenna li l-Partit Nazzjonalista m’għandu l-ebda mira jew għan ewlieni li għalih qed jaħdem.
L-editur hawn jirreferi għal intervista tal-Viċi Kap il-ġdid, Alex Perici Calascione fejn qal li l-Partit Nazzjonalista jrid ipoġġi l-individwu fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu, madankollu jgħid li dan għadu wisq messaġġ vag u fqir sabiex jifforma l-identità tal-Partit Nazzjonalista.
Biex jirribatti propju dan, hawn l-editur isemmi kif episodji riċenti bħall-inkwiet li nqala fid-Dar Ċentrali dwar l-emendi fil-liġi tal-IVF u t-taħwid fil-pożizzjoni dwar l-introduzzjoni tal-liġi li tirregola l-użu responsabbli tal-Kannabis, imorru propju kontra dak li qal Perici Calascione.
Dan hekk kif fiż-żewġ istanzi l-Partit Nazzjonalista ħareġ maqsum u mifxul fuq dawn il-materji li propju jolqtu lill-individwu fiċ-ċentru.
F’dik li kellu x’jaqsam l-emendi fil-liġi tal-IVF, numru ta’ deputati Nazzjonalisti fosthom l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, żvijjaw minn mal-linja tal-Kap Bernard Grech. Dan filwaqt li dwar il-liġi li tirregola l-użu responsabbli tal-Kannabis, il-Partit Nazzjonalista vvota kontra, minkejja li meta ġew ippubblikati d-dettalji ta’ din ir-riforma, il-Kap Bernard Grech kien qal li l-Gvern ikkupjah.
L-editur tal-Independent temm jgħid li fil-Partit Nazzjonalista filwaqt li hemm min irid jimxi lil hinn mill-għeruq u l-prinċipji konservattivi tal-Partit, għad hemm ħafna li ma jridux jagħmlu dan il-pass.
B’hekk sostna li qabel il-Partit jagħraf verament x’irid u fejn irid imur, iċ-ċans li dan jerġa’ jibda jikseb il-fiduċja huwa żgħir ħafna.